Elezzjoni Kap PN Lokali

 “Il-PN għandu jkun il-partit tal-poplu” – Alex Perici Calascione

“Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun il-partit tal-poplu u għandu jkompli jkun viċin il-poplu fil-ħidma politika tiegħu.” Qal dan il-kandidat għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione meta kien qed jitkellem dwar il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun Partit Rebbieħ.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ li jsir eżerċizzju impenjattiv biex il-PN jkompli jkun viċin il-poplu fil-ħidma politika tiegħu, liema eżerċizzju għandu jibqa’ jsir u jkun imġedded għax permezz ta’ hekk biss li l-PN jkun jista’ jispjega u jfiehem il-politika tiegħu.

“Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun mal-poplu b’laqgħat kontinwi mas-soċjetà ċivili u mal-attivisti tiegħu bl-iskop li jisma’ kontinwament dak li qed jgħid il-poplu”.

Kien hawnhekk fejn il-kandidat għal Kap tal-PN fakkar f’numru ta’ proposti oħra li għamel, fosthom li saħansitra l-Kumitati Sezzjonali jkollhom rwol ikbar fit-tfassil tal-politika – biex dawn ma jkunux hemmhekk biss biex jiġbru l-flus għall-partit u jqassmu t-tesseri.

Perici Calascione żied jgħid li l-proposta tiegħu għal Partit Rebbieħ tinkludi wkoll impenn mit-tmexxija tal-partit li tiffoka fuq dawn il-laqgħat mas-soċjetà u minnhom tieħu l-informazzjoni neċessarja għat-tfassil tal-politika.

Filwaqt li tenna l-impenn li bih bħala Kap tal-Partit, il-politika għandha ssir min-nies kollha f’kull livell, Alex Perici Calascione, qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jiffoka l-impenn tiegħu fuq il-bniedem u fuq il-bidliet li jrid il-poplu, temm jghid il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.