Lokali

In-Nazzjon 09.08.2017

L-esperjenza li għadda minnha priġunier żagħżugħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin meta lbieraħ qala’ xebgħa minn priġunieri Għarab, tiddomina l-ewwel faċċata tal-ġurnal In-Nazzjon. L-istorja turi kif qed tkompli taħrab minn kull kontroll is-sitwazzjoni diġà mwiegħra fil-Ħabs ta’ Kordin.

Storja oħra tittratta t-twissija ta’ Maġistrat tal-Qorti lill-Kummissarju tal-Pulizija hekk kif ingħata ordni biex jassigura li ordni tal-Qorti tiġi esegwita wara li żewġ akkużati ma ġewx arrestati wara ordni tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

In-Nazzjon ikompli wkoll isegwi s-saga tal-bastiment li fuqu hemm immigranti u li Malta u l-Italja mhux qed jaċċettaw.

Ikomplu l-aħbarijiet ukoll mill-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjoalista, kif ukoll tingħata prominenza wkoll l-aħbar tal-protesta li saret ilbieraħ tard waranofsinhar mir-residenti ta’ Pembroke kontra l-iżvilupp ta’ skola ġdida f’art barra miz-zona ta’ żvilupp.

Fil-paġni tal-opinjonijiet insibu l-analiżi ta’ Justin Schembri, li llum jittratta s-suġġett li dejjem jitqanqal f’dawn il-ġranet u ġimgħat tas-sajf qabel ma tibda sena skolastika ġdida – it-toqol tal-basktijiet tal-iskola li jkollhom iġorru t-tfal kuljum.

Opinjoni oħra interessanti hi ta’ Joe Camilleri dwar il-ħajja ta’ Franz Jagerstatter, Awstrijak li kien arrestat u qatgħuhielu għall-mewt, u li  jfissru bħala l-martri tal-kuxjenza.