Lokali

‘Ngħabbu’ sena skolastika ġdida… artiklu f’In-Nazzjon minn Justin Schembri

Għal ħafna tfal il-perjodu tas-sajf ifisser mistrieħ iżda dan mhux neċessarjament hu l-istess għall-ġenituri u l-edukaturi li jkunu impenjati bil-preparazzjonijiet tagħhom għal sena skolastika oħra li hekk kif tgħaddi l-festa ta’ Santa Marija, il-ftuħ ta’ sena skolastika oħra tkun litteralment wara l-kantuniera. Ħafna ġenituri għalhekk ikunu qed jippreparaw lil uliedhom għal sena impenjattiva, imma fuq kollox ikunu wkoll qed iħejjulhom dak kollu li se jkunu jeħtieġu għal sena skolastika ġdida, li ġeneralment ikun ukoll jinkludi basket ġdid.

Mill-esperjenza tiegħi bħala edukatur, tul is-snin innutajt ħafna tfal u żgħażagħ mgħobbija bil-basktijiet, u mhux l-ewwel darba li segwejt u nvolvejt ruħi f’dibattiti relatati mas-suġġett. Madankollu, minkejja li llum qed nersqu dejjem aktar lejn mezzi teknoloġiċi u allura l-użu tal-ktieb tradizzjonali qiegħed kulma jmur jonqos mill-importanza, għaldaqstant irridu nkunu għaqlin biżżejjed biex nużaw il-vantaġġ tekonoloġiku aktar biex innaqqsu l-piżijiet fil-basktijiet illum qabel għada.

Dan mingħajr dubju jġib miegħu argumenti oħrajn, dawk relatati max-xogħol mogħti għad-dar, li f’ħafna mill-okkażjonijiet hu kawża primarja ta’ kotba li jivvjaġġaw mill-iskola għad-dar u bil-kontra kontinwament.

Nilqgħu għall-problema

Sfortunatament, għaliex kulturalment aħna pajjiż li ma niħdux kollox bl-akbar serjetà, għal snin twal nibqgħu niddiskutu minn sena għal oħra l-importanza biex ikollna basktijiet adegwati għal uliedna b’piż li ma jkunx qed jikkaġuna ħsara lil saħħithom, ħsara li taf tkun irreparabbli.

Id-diffikultà hi li ma hemmx komunikazzjoni diretta bejn il-ġenituri, l-ulied u l-iskejjel li hi effettiva biżżejjed, għalkemm irrid nuri apprezzament lil ħafna skejjel, l-aktar primarji, li qed jilqgħu bl-akbar sens ta’ responsabbiltà għal din il-problema. Għalhekk jixraq li nagħti ftit suġġerimenti ta’ kif il-ġenituri u l-ulied jistgħu jilqgħu għall-problema billi nifhmu sewwa x’inhu importanti li l-ġenituri jżommu f’moħħhom huma u jippreparaw il-basktijiet għal uliedhom tul dawn il-ġimgħat.

 

It-tip ta’ basket

Ħafna drabi, il-ġenituri qabel ma jikkunsidraw il-prattiċità tal-basket li se jagħżlu, iqisu d-disinn, id-ditta u tlellix ieħor li mhux neċessarjament huma importanti daqskemm hu importanti li l-basket ikun ideali minħabba fatturi ta’ saħħa.

Fil-fatt, hu rakkomandat li l-basket, li ma għandux jitgħabba b’piż ta’ aktar minn 10% sa 12% tal-piż tat-tifel jew tifla, ikun back pack li jintlibes fuq l-ispallejn u mhux shoulder li allura jintlibes biss fuq spalla waħda, waqt li ċ-ċineg li jintrefa’ minnhom għandhom ikunu rotob biżżejjed biex ma jagħmlux piż żejjed fuq l-ispallejn.

Xi wħud illum qed imorru għal basktijiet bir-roti, li għandhom il-benefiċċju għat-tul, iżda minħabba l-mod ta’ kif inhuma mibnija l-maġġoranza tal-iskejjel tagħna, dawn aktar joħolqu inkonvenjent, dan għaliex basket bil-frejm tar-roti hu itqal fil-piż minn kwalunkwe basket ieħor u se jkun hemm okkażjonijiet ta’ numru sostanzjali matul il-jum li t-tifel  jew it-tifla jkollhom jerfgħu l-piż kollu.

Il-piż tal-basket

L-ewwel nett, il-basket ma għandu qatt jinżel ’l isfel aktar minn erba’ pulzieri mill-qadd. Dan għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni qabel jinxtara l-basket stess, u l-ġenituri jridu jikkunsidraw li hemm differenza bejn basket vojt u basket mgħobbi. Għalkemm ħafna jaħsbu li l-mod ta’ kif jitgħabba l-basket ma jaffettwax il-ġisem, dan mhuwiex minnu.

Fil-fatt, tajjeb li wieħed isegwi ftit passi rakkomandati u li jistgħu jagħmlu d-differenza biex il-basket mgħobbi ma jkunx qed jagħmel strapazz żejjed fuq l-ispina tad-dahar. Għalhekk, l-itqal materjal għandu jitgħabba fuq wara nett tal-basket biex il-piż fil-maġġoranza tiegħu jinġibed aktar lejn id-dahar u mhux il-kontra. Dan għandu jkun megħjun minn ġenituri li jagħrfu jixtru materjal għal uliedhom li mhumiex tqal fil-piż, għalhekk tajjeb li jintużaw soft files minflok il-files tradizzjonali, u pencil cases li huma intenzjonati biex jaqdu l-funzjoni tagħhom.

Tifel jew tifla ma għandux għaliex ikollu 10 lapsijiet u 10 pinen… imma l-ġenituri tajjeb li jkunu realistiċi u jqisu kollox, għaliex kollox jagħmel differenza. Fuq kollox, tajjeb li l-ġenituri jgħinu lil uliedhom fit-timetable biex ma jinġarx materjal għalxejn.

L-irfigħ tal-basket

Hu bla dubju li t-tfal mhumiex konxji mill-ħsara li l-basket tal-iskola jista’ jikkawżalhom għaliex din mhijiex xi ħaġa li tiġihom naturalment. Għaldaqstant, hu mistenni minna l-adulti li ngħallmuhom u niggwidawhom b’dan kollu biex ma npoġġuhomx f’riskju li jiżviluppaw diffikultajiet ta’ saħħa li huma komuni tassew.

L-istudji jikkonfermaw li kważi 50% tat-tfal sal-età ta’ 11-il sena, ikunu qed jesperjenzaw xi uġigħ f’daharhom jew għonqhom konsegwenza tal-irfigħ tal-basket. Għalhekk, it-tfal għandhom jerfgħu l-basket fuq iż-żewġ spallejn u qatt fuq spalla waħda biex ikun hemm distribuzzjoni ekwa tal-piż kollu u fil-każ għat-tfal iż-żgħar, tajjeb li jinqafel ukoll minn quddiem mal-qadd, b’ċineġ orizzontali li jdawru l-qadd biex il-piż jinġibed ’il ġewwa.

Filwaqt li mhuwiex rakkomandat li t-tfal jitbandlu ’l quddiem jew lura bit-toqol tal-basket waqt li jkunu qed jimxu, importanti li ma għandhomx jistennew għall-karozza tal-linja jew waqt l-assembly bil-basket fuq daharhom.

Aħjar ‘uff’ milli ‘aħħ’!

Il-proverbju Malti jfisser ħafna aktar minn kemm naħsbu, u dan hu litteralment każ ta’ aħjar ‘uff’ milli ‘aħħ’. Għalhekk hu importanti li l-ġenituri jkunu għaqlin u jirriċerkaw qabel jagħmlu l-għażliet tagħhom għal din is-sena.