Qed jiżviluppa f’każ jaħraq ħafna dak tal-Golfo Azzurro – il-bastiment illi fil-bidu tal-ġimgħa salva tliet immigranti ‘il barra mill-kosta Libjana.
It-trawler Spanjol Golfo Azzurro issa ilu tliet ijiem bejn sema u ilma, jistenna l-ordni biex jidħol f’xi port. Malta u l-Italja għadhom qed iżommu iebes.
Kelliem għall-Golfo Azzurro kien kwotat fil-media Taljan jgħid illi t-trawler għadu fuq stand-by jistenna li jkun hemm żblokk bejn l-Italja u Malta.
Sa kmieni dalgħodu t-trawler Golfo Azzurro tal-organizzazjoni Open Arms kien għadu qed jinżamm ‘il barra mill-ibħra territorjali Taljani f’tilwima taħraq bejn Malta u l-Italja dwar min minnhom għandu jieħu t-tliet immigranti li nġabru mill-istess trawler fis-sigħat bikrin tat-Tnejn.
Kien il-bieraħ wara nofsinhar meta t-trawler baħħar lejn it-Tramuntana u wasal sal-periferija tal-ibħra Taljani, ‘il barra minn Sqallija. Il-Golfo Azzurro qed jiġi miżmum mill-Guardia Costiera Taljana sabiex ma jidħolx fil-portijiet Taljani.
//= $special ?>