Elezzjoni Kap PN Lokali

Politika ta’ sostenn għall-anzjani – Chris Said, Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN

“Il-fibra morali ta’ kull soċjeta’ titkejjel minn kif tittratta lil dawk li huma fost l-iktar vulnerabbli. L-Anzjani m’għandhomx jitqiesu bħala piż iżda huma l-valuri u l-kuxjenza tagħna.” Sostna dan Chris Said, Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-ġnien tal-Gardjola fl-Isla, li matulha ippreżenta numru ta’ proposti għall-anzjani u pensjonanti.

Chris Said qal li l-politika għandha tkun waħda li sservi ta’ sostenn għall-anzjani. Min-naħa l-oħra, tħabbret żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass. Din iż-żieda, flimkien mat-taxxi moħbija fil-prezz tal-fuel u ż-żieda ta’ 6% fil-prezz tal-ikel, huma piżijiet fuq l-anzjani tagħna. “Il-Gvern ma jistax jibqa’ insensittiv għal dawn l-affarijiet,” sostna Said, fejn irrefera wkoll għall-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kera li qed isallbu ħafna familji.

Għal dan il-għan Chris Said ippreżenta numru ta’ proposti li jaħdem fuqhom jekk ikun elett kap tal-PN

  • Żieda gradwali u sostanzjali fil-pensjonijiet sabiex il-pensjonanti ma jibqgħux fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar
  • Ikunu indirizzati ċertu anomaliji. Fosthom il-possibilita’ li nisa li ma jaħdmux jingħataw l-opportunita’ jikkontrobwixxu biex ikollhom pensjoni meta jilħqu l-eta’ tal-irtirar.
  • Jissaħħu s-servizzi eżistenti u jiżdiedu oħrajn biex l-anzjani jibqgħu kemm jista’ jkun jgħixu f’darhom.
  • Ebda taxxa fuq il-pensjonijiet kollha.
  • Indiċi dwar il-pensjonanti bħala għodda li tassigura li jgħixu f’dinjita’.
  • Anzjani li jaħdmu fis-settur pubbliku jingħataw il-possibilita’ li jkomplu jaħdmu, anki fuq bażi part-time.
  • Iktar mediċini li jintużaw mill-anzjani ikunu nklużi fil-formularju.
  • Iktar vantaġġi bl-introduzzjoni ta’ servizzi oħra abbinati mal-Kartanzjan
  • Sezzjoni ġdida f’Jobs + bil-għan li jinstabu opportunitajiet għal anzjani li jixtiequ jibqgħu jaħdmu.
  • Tingħata xi forma ta’ għajnuna jew kumpens bħala rikonoxximent għar-rwol importanti tan-nanniet fis-soċjeta’ li jieħdu ħsieb lin-neputijiet.
  • Jitjiebu s-servizzi fi djar tal-anzjani, day centres u night centres skont standards li jassiguraw li l-anzjani jgħixu f’dinjita’.