Kerstin Catania, priġunier fil-Ħabs dwar droga, ilbieraħ filgħodu dabbar xebgħa minn żewġ priġunieri Għarab waqt li kien f’ċella ta’ iżolament f’Diviżjoni Sitta. Il-priġunier Malti kien għadu kemm ittieħed f’iżolament wara li aktar kmieni filgħodu fiċ-ċella tiegħu nstabu oġġetti illegali.
Il-ġurnal in-Nazzjon illum żvela li lbieraħ filgħodu membri tal-SRT – Special Response Team – daħlu fiċ-ċella ta’ Kerstin Catania u għamlu tiftix estensiv għal oġġetti illegali. Jidher li f’mument waqt din it-tfittxija l-Pulizija sabu xi oġġetti deskritti bħala illegali li jinżammu minn xi priġunier fiċ-ċella tiegħu.
Minabba f’hekk l-istess priġunieri ittieħed minnufih f’taqsima oħra tal-Ħabs – f’Diviżjoni Sitt li hi deskritta bħala d-Diviżjoni b’Massimu Sigurezza.
Jirriżulta li wara ftit tal-ħin meta l-pruġunier intbagħat f’din iċ-ċella ġdida għalih, żewġ priġunieri Għarab daħlu f’din l-istess ċella u taw xebgħa tajba lil dan il-priġunier li qajla seta’ jiddefendi lilu nnifsu mid-daqqiet taż-żewġ priġunieri l-oħra tant li kellhom jissejħu membri tal-SRT biex jipproteġu lill-priġunier Malti mid-daqqiet.
Mhux magħruf x’kienet ir-raġuni li wasslet lill-membri tal-SRT fil-Ħabs biex għamlu din it-tfixxija fiċ-ċella ta’ Kerstin Catiana u biex eventwalment dan jisfa’ vittma ta’ swat f’wiċċu u f’rasu u f’diversi partijiet oħra tal-ġisem tiegħu minn priġunieri Għarab. Nifhmu li kaġun ta’ dan is-swat il-priġunier sofra minn diversi ġrieħi.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon komplew jispjegaw li matul dan l-eżerċizzju ta’ swat lil Kerstin Catania, l-istess priġunier tant beża’ li f’waqt minnhom għamel toilet taħtu. Nifhmu li wara li ġara dan kollu l-priġunier talab li jkun invesitat minn tabib.
Inċidentalment dan l-inċident serju fil-Ħabs ġara wara li ftit sigħat qabel omm dan il-priġunier – Grace Cini – għamlet appell imqanqal lill-awtoritajiet tal-Ħabs biex binha jitħalla jattendi ċ-ċerimonja tal-magħmudija ta’ wild ġdid fil-familja tiegħu.
Kerstin Catania ilu ħafna jitħabat biex jingħata permess biex ikun jista’ jattendi l-Knisja ħalli jkun preżenti waqt il-magħmudija tal-wild ġdid fil-familja tiegħu. Hu ilu jinżamm fil-Ħabs sa minn Jannar li għadda b’rabta ma’ reati konnessi mad-droga.
Jidher li għal xi raġuni l-awtoritajiet tal-Ħabs ċaħdu kull talba li saritilhom minn Kerstin Catania u ma jridux iħalluh jattendi għal din iċ-ċerimona tal-magħmudija.
Kien fid-dawl ta’ dan li ommu – Grace Cini li wkoll hi priġuniera fit-Taqsima tan-Nisa tal-Ħabs – li nhar it-Tnejn li għadda għamlet appell imqanqal lill-awtoritajiet tal-Ħabs biex hekk kif lilha nħarġilha l-permess biex tattendi għal din iċ-ċerimonja tal-magħmudija, anki lil binha jinħarġilha tali permess.
Fid-dawl ta’ dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda, jidher li xi ħadd fil-Ħabs iddeċieda li jpattiha bl-ikreh lil Kerstin Catania u ftit wara l-fall in filgħodu, membri tal-SRT tal-Ħabs daħlu armati jfittxu kull rokna fiċ-ċella ta’ Kerstin Catania u f’mument minnhom qalu li kienu sabu xi oġġetti illegali.
Minn hawn il-priġunier intbagħat f’Diviżjoni Sitta fejn ftit wara li ttieħed, kien imdawwar minn żewġ priġunieri Għarab li tawh daqqtejn tajba tant li kkaġunawlu diversi ġrieħi f’partijiet tal-ġisem tiegħu.
Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li l-idea tat-tipattija lil Kerstin Catania żviluppat kmieni nhar it-Tlieta filgħodu meta kienet inxterdet l-aħbar li l-omm kien irnexxielha tagħmel kuntatt ma’ barra l-Ħabs u tagħmel appell imqanqal biex binha jingħata l-permess li jinħareġ għaċ-ċerimonja tal-magħmudija.
Din ma kenitx l-ewwel darba li priġunier fil-Ħabs spiċċa vittma ta’ priġunieri Għarab u qala’ xebgħa tajba.
Għadha pendenti l-Inkjesta dwar kif priġunier Malti qala’ xebgħa f’shower minn tlett priġunieri Għarab li allegatament kienu tqabbdu jagħmlu dan minn Uffiċjal tal-Ħabs wara li ommu kienet sfat attakkata u misruqa mill-istess priġunier Malti.
Dan il-każ imur lura għal April tal-2014 meta tlett priġunieri Għarab taw xebgħa lil priġunier Malti wara li daħħluh f’shower. Din ix-xebgħa minn dawn it-tlett priġunieri Għarab jidher li mmaturat wara li allegatament Uffiċjal tal-Ħabs qabbadhom biex jagħmlu dan wara li l-priġunier Malti – li għandu problema serja tad-droga – preċedentement kien seraq lil ommu u ħadilha l-basket li kellha f’idha.
Dwar dak il-każ kienet infetħet Inkjesta li sa llum għadha pendenti!
In-Nazzjon jirraporta li sadanittant is-sitwazzjoni attwali fil-Ħabs qed tkompli tkun waħda tassew diffiċli u l-Aġent Direttur Mariella Camilleri qed tkompli ssibha diffiċli ħafna biex iżżomm taħt idha l-kontroll ta’ dak li qed jiġri ‘l ġewwa mill-kanċell tal-Ħabs.
Diġà f’dawn il-jiem membru ta’ NGO li taħdem viċin ħafna tal-priġunieri stqarr li: “Bħalissa l-Ħabs ta’ Kordin jista’ faċilment jixxebbaħ ma’ bastiment mingħajr kaptan li d-destin tiegħu hu li jinkalja jew inkella li jibqa’ dieħel dritt għal fuq il-blat.
“Naturalment kemm-il darba jiġri hekk se jweġġgħu dawk kollha abbord u fuq dan il-‘bastiment’ hemm kemm priġunieri sentenzjati kif ukoll priġunieri li qed jistennew li jkunu pproċessati fil-Qrati… iżda hemm ukoll għadd kbir ta’ ħaddiema.
“Ħassejt li għandi ngħidlek dan kollu għaliex ir-realtà fil-Ħabs illum hi waħda diffiċli ħafna u inutli l-Ministru jkompli jonqos milli jammetti l-verità u jiċħad li fil-Ħabs hemm id-droga – volumi kbar ta’ droga.”
//= $special ?>