Ambjent Lokali

Qtugħ ta’ dawl f’diversi lokalitajiet fl-eqqel tas-sajf… minħabba “diffikultajiet tekniċi”

Qtugħ tad-dawl f'diversi lokalitajiet fl-eqqel tas-sajf iqanqal rabja fost dawk milquta

Skont l-Enemalta, il-qtugħ ta’ dawl f’diversi lokalitajiet fl-aħħar jiem seħħ minħabba diffikultajiet tekniċi li “jinqalgħu b’mod regolari f’kull ħin” u mhux minħabba li l-pajjiż mhux ilaħħaq mad-domanda għall-elettriku.

L-Enemalta qalet dan f’risposti għal mistoqsijiet li NETNews bagħat wara li fl-aħħar jiem, diversi persuni ġibdu l-attenzjoni li fil-lokalità tagħhom marrilhom id-dawl.

Fl-aħħar jiem kien hemm rapporti ta’ qtugħ ta’ dawl f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom rapporti minn persuni li jgħixu Birkirkara, Ta’ Paris, Raħal Ġdid u l-Mosta.

Imma l-Enemalta qalet li f’dawn l-aħħar jiem, ma kienx hemm każi ta’ qtugħ ta’ provvista li affettwaw lokalitajiet sħaħ, jew partijiet kbar minnhom iżda qtugħ lokalizzat jew f’inħawi żgħar “u li ħafna drabi jaffettwaw biss klijenti fi triq waħda jew f’numru żgħir ta’ toroq”.

L-Enemalta żiedet tgħid li dawn id-diffikultajiet tekniċi jinqalgħu b’mod regolari għal numru ta’ raġunijiet, fosthom ħsarat tekniċi “naturali” ta’ xi cables jew apparat ieħor tad-distribuzzjoni, diffikultajiet marbuta mat-temp u ħsarat aċċidentali.

Ir-raġunijiet mgħotija mill-Enemalta xejn ma naqqsu mir-rabja li esprimew diversi persuni milquta fl-aħħar jiem minħabba l-fatt li marrilhom id-dawl, uħud għal ħin twil.

Imma l-Enemalta ma weġbitx għal mistoqsija ta’ NETNews dwar kemm dam il-qtugħ fil-lokalitajiet indikati li marrilhom id-dawl. Qalet biss li għandha timijiet tekniċi li jkunu xogħol il-ħin kollu biex tingħata l-għajnuna fl-inqas ħin possibbli sabiex l-inkonvenjent ikun minimu.

L-Enemalta qalet li din il-ġimgħa l-konsum tal-elettriku qabeż ir-rekord, b’konsum ta’ 469 megawatt. Meta staqsejna kemm-il megawatt ġie provdut mill-interconnector u kemm-il megawatt ġie provdut mill-powerstation tal-gass, l-Enemalta naqset milli twieġeb. Qalet biss li d-domanda setgħet tintlaħaq grazzi għas-sorsi kollha ta’ elettriku illi għandha.