Lokali

Żewġt itfal Maltin jiksbu l-ewwel premju waqt festival tal-kant fi Sqallija

Fi tmiem il-ġimgħa li għadda, żewġ tfajliet Maltin rebħu l-ewwel premju waqt festival tal-kantat fi Sqallija f’sezzjonijiet differenti. Dan hekk kif, Briannah Caruana, tifla ta’ 7 snin, rebħet il-premju tal-ewwel post fil-Festival Oltre Oceana li qed jiġi organizzat ġewwa Monreale f’Palermo.

It-tifla Maltija kisbet dan il-premju fis-sezzjoni tat-tfal ta’ etajiet bejn is-7 u l-10 snin bil-kanzunetta “Ballo Ballo” fejn kienet akkumpanjata minn 4 żeffiena bniet ċkejknin. Dan filwaqt li Rihanna Marie Caruana, ta’ 9 snin, kisbet l-ewwel post bil-kanzunetta “La Notte Vola” akkumpanjata minn sitt żeffiena.

Filwaqt li ż-żeffiena jattendu l-iskola Shake Dancers, iż-żewġ kantanti jattendu l-iskola tal-kant Harmonic Ensemble Music Academy, immexxija mill-għalliema Ritienne Azzopardi u l-Maestro Joseph Chircop.