Elezzjoni Kap PN Lokali

Aħna Nazzjonalisti, Nazzjonalisti Maltin – Adrian Delia

F’messaġġ lill-kunsilliera, tesserati u membri tal-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN sostna li l-partitarji tal-partit huma “Nazzjonalisti, Nazzjonalisti Maltin.”

Adrian Delia qal dan fid-dawl tad-dibattitu li għaddej jekk il-Partit Nazzjonalista hux wieħed konservattiv jew liberali. “M’għanniex inħallu lil min irid itina tikketta, għaliex il-PN minn dejjem kien partit li jiġbor fih il-ħaddiem u n-negozjant, l-għani u l-bagħtut, żgħażagħ u anzjani, nisa, rġiel u persuni ta’ orjentazzjoni seswalli differenti.”

Meta kien qed jispjega l-messaġġ li jrid jibgħat Adrian Delia sostna li l-għan aħħart tal-PN dejjem kien li jwettaq il-ġid fis-soċjeta’. “Id-diversita issaħħaħna mhux iddgħajifna. Dejjem konna kapaċi ngħixu flimkien u noħolqu l-ġid mingħajr preġudizzju, imma l-partit soċjalista ta’ Joseph Muscat inqeda b’settur fis-soċjeta waqt li gġalaq ħalq dawk li huma tradizjonali fil-ħsieb. Aħna qatt m’għamilna hekk u dejjem tajna d-dinjita’ lil kull min xtaq jaħdem fil-partit jew jagħti sehmu fil-pajjiż mingħajr preġudizzju,” qal Adrian Delia.

Fil-messaġġ tiegħu Adrian Delia jrid jiġbor is-sentiment li bhalissa għaddejjin minnu l-kunsilliera, tesserati u membri tal-kumitati fejn jixtiequ partit iżjed miftuħ li jisma u jibni l-politika tiegħu fuq dak li qed iħossu n-nies.

“Ħafna drabi aġixxejna qiesu l-politka mhux għan-nies, imma li n-nies qedin hemm għall-politiċi. Il-PN ma jistax jerġa jagħmel dan l-iżbal,” qal Adrian Delia.

Hu semma l-proposti li qed jagħmel biex il-PN jaħdem b’mod ġdid u jerġa jersaq qrib in-nies. Fost dawn hemm tibdiliet fl-istruttura tal-PN fejn Adrian Delia kien l-ewwel mill-kandidati li ppropona li jsaħħaħ il-media tal-partit, li jagħmel d-Direttur għall-Kunsilli Lokali pożizzjoni full-time, li jkun hemm żewġt assistenti segretarju ġenerali li ma joħorġux għall-ebda elezzjoni u li l-AZAD isir verament ċentru ta’ ħsieb politku. Adrian Delia fakkar li l-ewwel proposta li għamel kienet li l-AZAD jikkummissjona studju tas-soċjeta biex il-PN ikollu stampa ċara tal-pajjiż u jibni l-politika tiegħu madwar in-nies.

“Ħriġna bi pjan soċjali u bi pjan għas-self employed, ideat ġodda li nistaw nibdew inwetquhom mill-Oppożizzjoni,” qal Adrian Delia waqt li tenna li “fil-jiem li ġejjin se nkompli nagħmel proposti konkreti għall-pajjiż li jħarsu lejn il-bżonnijiet għaż-żmien li ġej mhux proposti mislufa mill-passat.”