Il-Belġju akkuża lill-Olanda li kienet ilha mis-sena li għaddiet li l-bajd li kien qed jiġi esportat mill-pajjiż kien ikkontaminat b’insettiċidju li jagħmel il-ħsara lill-bniedem.
Il-Belġju qajjem għagħa din il-ġimgħa meta żvela li kien ilu jaf minn Ġunju li aktar kien hemm bajd Olandiż ikkontaminat fis-suq; biss, ħa xahar sħiħ sakemm kixef dan. Dan kien ikkritikat bil-qawwa fl-Ewropa.
Imma issa Denis Ducarme, il-Ministru tal-Agrikoltura Belġjan, qal li d-dokumenti juru li l-Olanda kienet ilha taf bil-bajd ikkontaminat minn Novembru tal-2016.
Il-kimika hi magħrufa bħala Fipronil u fost l-oħrajn tagħmel il-ħsara fil-fwied u l-kliewi.
L-Olanda hi l-pajjiż Ewropew li l-aktar jipproduċi bajd u wieħed mill-ikbar esportaturi tal-bajd fid-dinja. Kull sena fil-pajjiż jiġu prodotti mal-għaxar biljun bajda li minnhom 65 fil-mija jiġu esportati.
Issa madwar l-Ewropa qed jiġu irtirati mis-suq il-bajd u prodotti bil-bajd mill-Olanda, u l-Ġermanja hi l-effettwata l-agħar.
//= $special ?>