Il-Kunsill Lokali tal-Iklin flimkien ma’ numru ta’ residenti ilhom jilmentaw mal-awtoritajiet għal sentejn sħaħ dwar għalqa fl-Iklin stess li qed tinżam fi stat ħażin ħafna. Din l-għalqa, li tinsab fi Triq San Mikiel, ġiet mgħotija mill-Gvern b’enroachment lil privat bl-għan li tintuża bħala parkeġġ pubbliku.
L-ilmenti qed isiru b’mod speċjali minħabba li it-trab qed jaffettwa ħażin is-saħħa tar-residenti li joqgħodu fil-madwar. In-nies li joqgħodu f’djar f’din iż-żona ma jistgħux jiftħu twieqi minħabba li jtir ħafna trab minn dan il-parkeġġ, b’mod speċjali meta jidħlu u joħorġu l-karozzi minnu.
Fil-post hemm diversi karozzi li ntelqu hemm bil-liċenzja skaduta jew mingħajr numru ta’ reġistrazzjoni. Waħda mill-karozza li tinsab f’din il-propjeta’ tinsab bil-liċenzja li ilha li skadiet mill-2012. Wieħed isib ukoll skart goff u materjal ieħor ta’ kostruzzjoni.
Il-Kunsill Lokali tal-Iklin bagħat żewġ ilmenti lid-Dipartiment tal-Artijiet iżda s’issa għadha ma ttieħditx l-ebda azzjoni. Saret ukoll petizzjoni, fejn numru kbir ta’ persuni iffirmawha bit-tama li tittieħed azzjoni immedjata.
F’żona oħra viċin dan il-parkeġġ hemm art oħra, din id-darba art ODZ li nħarġu l-applikazzjonijiet biex jinbnew erba’ bungalos flok razzett u għalqa li hemm bħalissa. S’issa nġabru 120 firma li se jingħataw lil Awtorità tal-Ippjanar bl-iskop li tittieħed azzjoni u ż-żona ma jinbena xejn fuqha.
//= $special ?>