Futbol Sport

Gian Piero Ventura jġedded il-kuntratt sas-sena 2020

Gian Piero Ventura

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan Gian Piero Ventura se jibqa’ fit-tmexxija tat-tim sas-sena 2020 wara li l-bieraħ ġedded il-kuntratt tiegħu.

Dan kien imħabbar mill-president tal-FIGC Carlo Tavecchio li qal li l-kuntratt ta’ Ventura kien imġedded b’sentejn oħra.

Minn naħa tiegħu Gian Piero Ventura li għandu 69 sena rringrazzja lil Tavecchio tal-fiduċja li ntweriet fih, u dan fid-dawl ta’ dak li diġa’ sar kif ukoll ta’ dak li għad irid isir fil-proġett tal-futur.

Ventura qal li din l-estensjoni tal-kuntratt se tkompli tkabbar il-motivazzjoni tiegħu u tal-federazzjoni Taljana. Ventura qal ukoll li l-mira tat-tim nazzjonali Taljan fil-futur hi li l-ewwel nett jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja 2018 f’Ġunju li ġej fir-Russja, li jkunu protagonisti fl-istess Tazza tad-Dinja kif ukoll li jsiru fost il-favoriti għall-kampjonat ewropew tas-sena 2020.

Gian Piero Ventura ħa t-tmexxija tat-tim nazzjonali Taljan f’Lulju tas-sena l-oħra wara li Antonio Conte ħalla lit-tim nazzjonali wara l-kampjonar ewropew fi Franza biex ingħaqad mal-klabb Ingliż ta’ Chelsea.
Taħt it-tmexxija ta’ Ventura l-Italja għadhom mingħajr telfa, iżda jinsabu wara Spanja bid-differenza ta’ gowls fi Grupp G ta’ kwalifikazzjoni.

Determinanti se tkun il-logħba bejn Spanja u l-Italja f’Madrid fit-2 ta’ Settembru. Min jirbaħ il-grupp ta’ kwalifikazzjoni jikkwalifika direttament għall-fażi finalio fir-Russja, filwaqt li t-tieni tim klassifikat f’kull grupp ta’ kwalifikazzjoni jkollu jilgħab playoff biex jikseb id-dritt li jagħmilha sal-fażi finali.