Knisja Lokali

Ħati li offenda l-pudur ta’ mara f’post pubbliku; illiberat miż-żewġ akkużi l-oħra

Fr Charles Fenech jingħata tliet xhur ħabs sospiżi għal sena

Tliet xhur ħabs sospiżi hija s-sentenza li ingħata Fr Charles Fenech, l-eks Provinċjal Dumnikan illi fl-2014 beda jiffaċja akkużi ta’ abbuż fuq mara adulta.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona ma sab l-ebda ħtija għall-akkuża illi Fr Charles ikkommetta att vjolenti fuq il-pudur ta’ din il-mara. Ma nstabx ħati lanqas li żamm lill-mara kontra l-volonta’ tagħha.

Fr Charles instab ħati fuq akkuża waħda – li offenda l-pudur tagħha fil-pubbliku, f’każ illi kien seħħ il-Buskett u li għammettih l-akkużat innifsu.

Fr Charles Fenech ilu minn Diċembru ta’ tliet snin ilu għaddej proċeduri kriminali, mixli li abbuża minn mara ta’ 42 sena minn Ħaż-Żabbar – mara li kellha problemi psikoloġiċi u li kienet tmur għandu biex jgħinha. Dawn il-kuntatti kienu ilhom għaddejin 12-il sena.

Kien f’Ottubru tal-2014 meta fil-media lokali ġiet żvelata l-identita’ tal-patri li beda jiffaċja akkużi ta’ abbuż sesswali. Skont ir-rapporti kien intqal illi Fr Charles kien għamel xhur jevita li jidher quddiem il-Qorti minħabba li kien jgħid li hu marid.

Meta feġġ il-każ, il-Provinċja Dumnikana Maltija kienet qalet li Fr Charles ġie mwaqqaf milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu, kif ukoll tneħħa minn Direttur tal-Moviment Kerygma.

Dan ifisser li Fr. Charles la jista’ jqaddes, iqarben u lanqas jamministra sagramenti oħrajn.

Fi Stqarrija l-Kummissjoni għall-Ħarsien tat Tfal u l-Adulti Vulnerabbli tal-Knisja qalet li ħadet nota ta’ din is-sentenza u għalhekk Fr. Charles Fenech se jibqa’ ma jokkuppax rwol pastorali fi ħdan id-djoċesi kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex.