Huwa inaċċettabbli li l-Gvern jipprova jitfa r-responsabbilità kollha fuq l-Awtorità tal-Ippjanar meta jaf li bħala s-sid tal-art il-Gvern għandu dritt jiddeċiedi u jistqarr pubblikament li mhux se jagħti l-art f’Pembroke biex tiġi żviluppata.
Saħaq dan fi stqarrija Karol Aquilina, l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.
Karol Aquilina qal li l-Ministru Jose Herrera jaf li bħala sid tal-art, il-Gvern ma’ jista’ bl-ebda mod jiġi mġiegħel iċedi l-art biex fuqha jsir żvilupp minn terzi.
Sfortunatment f’dan il-każ il-Gvern qiegħed jagħżel li jipprova jidħaq bir-residenti ta’ Pembroke billi jħalli lill-Ministru tal-Edukazzjoni joffri art pubblika biex tinbena u fl-istess waqt ikollu Ministru tal-Ambjent li jagħti x’jifhem lir-residenti li huwa kontra li din l-istess art pubblika tinbena.
Għalhekk l-Oppożizzjoni qegħdha mill-ġdid tinsisti li l-Gvern għandu b’mod immedjat jistqarr b’mod ċar jekk hux beħsiebu jibqa’ għaddej bl-għoti ta’ art pubblika biex fuqha tinbena skola oħra f’Pembroke.
Fl-istess waqt il-Gvern, b’mod partikolari l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, għandu jistqarr xi ftiehem sar f’isem il-Gvern rigward art pubblika f’Pembroke u jekk dan il-ftehim ġiex diskuss u approvat mill-Kabinett.
Il-Gvern għandu jagħmel dan mingħajr aktar dewmien biex juri li tassew jinteressah mir-residenti ta’ Pembroke u li lest jieħu deċiżjoni favur tagħhom.
//= $special ?>