Il-GRTU kkummentat fuq il-fatt li fil-Belt Valletta qed ikun hemm ħmieġ li la hu attraenti għan-negozjanti u lanqas għat-turisti li jżuru Malta.
Diversi negozjanti qegħdin iressqu l-ilmenti tagħhom minħabba li fil-Belt għandhom l-investiment tagħhom rifless fil-proprjetà.
Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-GRTU qalet li l-ħmieġ u l-iskart li qed jitħalla fit-toroq qed jagħtu stampa kerha fuq il-belt kapitali ta’ Malta, b’mod speċjali hekk kif V18 se tasal fuqna fi ftit xhur oħra biss. Dan l-istat li l-Belt Valletta tinsab fih qed itellef il-valur ta’ kull investiment fil-lokal.
Ftit żmien ilu kienu ġew imressqa numru ta’ soluzzjonijiet, li wħud minnhom kienu jġibu spiża kbira, u li ġew implimentati, iżda dawn ma ġabux ir-riżultati mixtieqa.
Ftit xhur ilu, il-GRTU bagħtet survey lil 91 stabbiliment tal-catering, bi 8 minnhom jirrappurtaw li m’għandhomx kuntrattur privat. Il-kumplament taw l-isem tal-kuntrattur tagħhom u l-iskeda tal-ġbir tal-iskart. F’kull ġurnata qed ikun hemm tal-anqas 10 kuntratturi differenti li jiġbru l-iskart fil-Belt Valletta f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.
L-istqarrija tgħid li saru diversi konsultazzjonijiet mill-GRTU, inkluż mas-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, u bħalissa l-GRTU qed tistenna li tkun direttament involuta fit-twettiq tal-proposta, li għandhom jgħinu biex il-ġbir tal-iskart ikun organizzat aħjar u s-sistema tagħti r-riżultati mixtieqa għall-ġid ta’ kulħadd.
//= $special ?>