Internazzjonali

Il-Jemen: Imutu immigranti li twaddbu fil-baħar

Rapporti mill-Jemen qalu li madwar 30 immigrant – inklużi nisa u tfal — tilfu ħajjithom wara li traffikant li kien fuq id-dgħajsa tagħhom tefa’ lilhom u lil għexieren ta’ immigranti oħra fil-baħar , ‘il hinn mill-Jemen.

L-International Organization for Migration (IOM) qal li ‘il fuq minn 120 immigrant (fuq dik id-dgħajsa) ‘spiċċaw f’nofs ta’ baħar’ wara li t-traffikant inkwistjoni beda jinkwieta li seta’ jispiċċa arrestat. Dan meta, skont ir-rapporti, it-traffikant ħaseb li kien hemm ‘l-awtoritajiet’ jistennewh qrib il-kosta.

Kelliema għall-Organizzazzjoni qalu li huma sabu l-oqbra ta’ wħud fost l-immigranti nisa u tfal fuq bajja fin-nofsinar tal-Jemen, tul il-Golf ta’ Aden. L-oqbra inkwistjoni tħaffru minn immigranti li kienu mal-vittmi u li, b’xi mod, irnexxielhom jaslu sax-xatt.

L-età medja ta’ ħafna mill-vittmi kienet stabbilita mas-16 il-sena.

Fl-aħħar ħinijiet, l-IOM irreferiet ukoll għal inċident simili li d-dettalji tiegħu kienu għadhom deħlin. F’dan il-każ madwar 55 immigranti oħra x’aktarx li mietu mgħarrqin ‘skont pjan speċifiku’ u wara li huma wkoll kienu sfurzati jaqbżu minn dgħajsa għal ġol-baħar, ‘il hinn mill-Jemen. S’issa kienu rkuprati ħames katavri mill-inċident partikulari.

Jidher li l-vittmi kienu jiffurmaw parti minn grupp ta’ xi 180 immigrant li lkoll spiċċaw fil-baħar, bil-kelliema għall-IOM jgħidu li ‘dan jista’ ikun il-bidu ta’ xejra ġdida’ min-naħa tat-traffikanti fid-dgħajjes  li jridu, akkost ta’ kollox,  jevitaw li jinqabdu.