Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Inkwiet dwar l-isparar potenzjali ta’ missili lejn Guam

Il-Korea ta’ Fuq qalet li dalwaqt se jkun lest il-pjan tagħha għall-isparar ta’ erba’ missili bil-ħsieb li dawn jinżlu fil-baħar. qrib it-territorju Amerikan ta’ Guam. Dan fi żmien meta intensifikat il-gwerra bil-kliem bejn Pyongyang u Washington.

L-istampa Koreana qalet li l-missili tat-tip Hwasong-12 għandhom jgħaddu minn fuq il-Ġappun u jinżlu fil-baħar, xi 30 kilometru ’il bogħod minn Guam, f’każ li l-pjan ikun approvat mill-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.

L-istampa ta’  Pyongyang, fl-istess ħin, ikkundannat it-twissija tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qal li l-Amerikani lesti ‘jinfexxu l-furja militari kollha tagħhom’ fuq il-Korea ta’ Fuq dment li r-reġim ta’ Kim ikompli bil-provokazzjonijiet. L-istampa Koreana komunista anki wasslet il-messaġġ li ‘il-President Amerikan hu bniedem nieqes mir-raġuni’.

L-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, wissiet lill-Korea komunista li l-azzjonijiet tagħha jistgħu, ’il quddiem, ifissru t-tmiem tar-reġim ta’ Kim Jong-un.

Fl-istess ħin, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Jim Mattis, qal li Pyongyang ‘ma jistax ilaħħaq mal-qawwa tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha’ fl-eventwalità ta’ gwerra.

Osservaturi fi Guam, intant, qalu li hemm is-sens li t-theddida mill-Korea komunista hi waħda retorika, b’ħafna esperti jaħsbu li ‘ir-reġim ta’ Kim Jong-un ikun qed jagħmel suwiċidju’f’każ li Pyongyang jasal tassew biex iwettaq azzjoni ‘diretta’ bil-missili.

Il-Korea ta’ Fuq, f’nofs il-ġimgħa, ħabbret għall-ewwel darba li qed tfassal pjani għal attakk missilistiku fuq Guam – il-gżira fil-Paċifiku li tinkorpora diversi bażijiet militari u bombers strateġiċi tal-Istati Uniti. Il-gżira ta’ Guam isservi wkoll bħala residenza għal madwar 163,000 persuna.

Sadattant, stqarrija partikulari minn Pyongyang qalet li l-militar tal-Korea ta’ Fuq ‘se jasal biex jikkonkludi l-pjan (għall-azzjoni bil-missili) sa nofs Awwissu, b’dan ikun jeħtieġ ‘is-siġill finali’ ta’ Kim Jong-un.

Il-pjan jesiġi biex il-missili (ladarba jkunu sparati) jgħaddu minn fuq id-distretti Ġappuniżi ta’ Shimane, Hiroshima u Koichi qabel jinżlu fl-ibħra ’il hinn minn Guam.

Intant, kelliema għall-Gvern tal-Ġappun qalu li l-azzjonijiet minn Pyongyang huma provokattivi għar-reġjun kollu, kif ukoll għas-sigurtà tal-komunità internazzjonali.

Il-kelliema fissru dan bħala ‘xi ħaġa intolleranti’, u l-Ministru tad-Difiża Ġappuniż, Itsunori Onodera, qal lid-deputati f’Tokjo li l-Ġappun jista’ jinterċetta, legalment, kwalunkwe missila sparata mill-Korea ta’ Fuq lejn Guam, peress li pass ta’ dan it-tip għandu jhedded l-eżistenza tal-Ġappun proprju bħala pajjiż.