Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel esprimiet id-diżappunt tagħha għal mod kif studenti li qed jistudjaw għall-professjoni tan-nursing qed jiġu trattati mill-Università ta’ Malta.
Dan wara li studenti fl-ewwel u t-tieni sena tal-kors irċevew email biex tgħidilhom li s-siegħat ta’ prattika li jagħmlu bħala parti mill-kors u li saru matul ix-xahar ta’ Ġunju mhux ħa jkunu imħallsa tagħhom. Din il-kwistjoni qed twassal għal rabja fost l-istudenti għaliex matul Punju saru ammont kbir ta’ siegħat ta’ prattika.
L-istudenti affetwati minn din id-deċiżjoni kienu dawk tal-Higher Diploma u dawk fil-livell ta’ Baċellerat.
Tul dawn l-aħħar snin, dawn is-siegħat kienu jitħallsu kollha mid-Dipartiment tas-Saħħa għaż-żmien kollu ta’ prattika kemm f’Ġunju u Lulju.
Il-President tal-MUMN Maria Cutajar qalet li din id-deċiżjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet koroh. Saħqet li l-korsijiet tan-nursing għandhom jitqiesu bħala priorità speċjalment fid-dawl li l-Gvern, l-istess università u anke l-MUMN qed jipprovaw iżidu n-numru ta’ persuni li jinteressaw ruħom f’din il-karriera. Għalhekk din is-sitwazzjoni tista’ tkun ta’ diżinċentiv.
L-MUMN wegħdet li se tkun qed tagħmel ħilitha kollha biex tinstab solluzzjoni għal din il-problema u għalhekk appellat ukoll lil-Ministeri tal-Edukazzjoni u s-Saħħa biex jiddefendu lil dawn l-istudenti minn din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>