Alex Perici Calscione, il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed jitkellem dwar il-mod kif irid jerġa’ jorganizza l-Partit Nazzjonalista biex dan ikun jista’ jopera u jaħdem b’mod mill-aktar effettiv, bl-iskop li l-Partit jissaħħaħ. Din il-proposta thabbret bħala parti mill-kampanja ‘Partit Rebbieħ’.
Alex Perici Calascione qal li żgur jeħtieġ li jinħatru 5 diretturi: Direttur Informazzjoni, Direttur ELCOM, Direttur Kunsilli Lokali, Direttur Kumitati Sezzjonali u Direttur Loġistika u Attivitajiet.
Huwa sostna li filwaqt li jemmen li għandu jkun hemm dawn id-diretturi li jieħdu ħsieb jikkordinaw il-qasam rispettiv tagħhom, jemmen ukoll li s-Segretarju Ġenerali għandu jkun fiċ-ċentru tal-ħidma politika kollha tal-partit.
Il-kandidat għal Kap tal-PN spjega li mal-ħames diretturi ġodda jistgħu jiżdiedu diretturi oħra skont il-ħtieġa, bhal Campaign Manager, biex flimkien ifasslu u jikkordinaw il-ħidma politika kollha tal-Partit.
Alex Perici Calascione ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar numru kbir ta’ proposti ġodda, kollha bl-iskop li l-Partit Nazzjonalista jkun organizzat aktar minn qabel. Ser ikun qed jagħmel proposti dwar il-media, l-Uffiċċju Informazzjoni, l-ELCOM, l-uffiċċju tal-Kampanja Elettorali u l-AŻAD, fost oħrajn.