Internazzjonali

Reżistenza kbira mill-ISIS fil-‘kapitali tal-Kalifat’

Il-ġellieda appoġġjati mill-Istati Uniti li għaddejjin bil-battalji biex jieħdu lura l-belt ta’ Raqqa minn idejn l-ISIS qegħdin jiffaċċaw reżistenza kbira mit-terroristi li qiegħdu kwantità kbira ta’ mines f’dik il-belt Sirjana.

Il-Qawwiet Demokratiċi Sirjani – alleanza ta’ Kurdi u Għarab appoġġjata minn koalizzjoni internazzjonali li qed tikkumbatti lill-ISIS – daħlu f’Raqqa madwar  xahrejn ilu, fejn, sal-lum, irnexxielhom jaħtfu lura l-kontroll f’aktar min-nofs it-territorju tal-belt.

Iżda l-progress ġie mfixkel mit-terroristi li qegħdin jistinkaw biex ma jitilfux Raqqa; il-belt li għal dawn l-aħħar snin serviet bħala ‘il-kapitali tal-Kalifat tal-ISIS’.

Il-kelliema għall-Qawwiet Demokratiċi Sirjani qalu li huma qed ikomplu javvanzaw f’Raqqa, iżda r-ritmu tal-avvanz kellu jonqos. Jidher li dawn il-qawwiet ħatfu disa’ distretti lejn il-Punent u l-Lvant ta’ Raqqa, waqt li l-ISIS qegħdin jirreżistu b’fanatiżmu kbir fis-seba’ neighbourhoods li għadhom qed iżommu f’din il-belt.

Magħruf ukoll li l-ISIS qiegħdu l-isplussivi ‘f’kull ċentimetru’ tal-belt, u li dan qed itellef il-progress tal-qawwiet avversarji. Intant, il-ġellieda anti-ISIS fis-Sirja jemmnu li r-reazzjoni tal-ISIS hi daqstant ħarxa ‘għaliex it-terroristi jafu li m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jċedu jew jinqatlu fuq il-post’.