Internazzjonali

Asterojdu għandu jgħaddi qrib ħafna tad-dinja

 

L-Aġenzija għall-Ispazju Ewropew (ESA) qalet li asterojdu ‘daqs dar sħiħa’ għandu jgħaddi qrib ħafna minn qrib id-dinja, f’Ottubru li ġej.

Skont it-tbassir, dan l-asterojdu għandu jgħaddi b’veloċità straordinarja – stabbilita madwar 43,935 kilometru — minn ġol-orbita tal-qamar, bil-fenomenu qed ikun ikkalkulat bħala ‘viċin wisq’ tad-dinja.

L-ESA qalet, intant, li d-direzzjoni li se taqbad l-asterjodu għandha tfisser li hu m’għandux jolqot lis-satelliti tagħha li jkunu qegħdin jorbitaw eluf ta’ kilometri ’il bogħod.

Fl-istess ħin, membri tan-Near Earth Object reseach team, qed jgħidu li l-asterojdu mhux se jolqot lid-dinja ‘u din tibqa’ l-aktar ħaġa importanti’.

L-asterojdu – li mhux meqjus bħala ta’ daqs partikulari – hu twil bejn 15 u 30 metru u ġie mlaqqam ‘TC4’.

L-istess asterojdu kien għadda qrib id-dinja f’Ottubru tal-2012, qabel għeb fl-ispazju.

L-osservazzjoni oriġinali żvelat li l-‘avviċinament li jmiss’ tal-asterojdu għandu jseħħ f’Ottubru, iżda l-orbita li għaddej fih ‘TC4’ ifisser li ma jistax ikun osservat.

Madankollu, it-Teleskopju enormi tal-European Southern Observatory, li jinsab fiċ-Ċile, issa rnexxielu jindika l-asterojdu u jiddetermina wkoll id-distanza.

Fl-istess ħin, l-ESA qed tgħid li l-avveniment li jmiss bit-‘TC4’ jipprovdi opportunità tajba biex wieħed jara l-kapaċità tal-bniedem li jirreaġġixxi għal ‘theddida vera mill-asterojdi’.