Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Philippe Coutinho talab lil Liverpool biex ikun trasferit. Il-klabb Ingliż ċaħad li rċieva rikjesta għal Coutinho u lbieraħ filgħodu, Fenway Sports Group ħarġu stqarrija fejn qalu li l-ebda offerta mhi se tkun kunsidrata dan is-sajf, bil-manager Jurgen Klopp jikkonferma l-ħsibijiet tas-sidien.
Hu mifhum li Liverpool sa issa ma aċċettawx żewġ offerti mingħand Barcelona, bl-aħħar offerta tkun dik ta’ €100 miljun. Aktar tard membru tal-familja ta’ Coutinho qal lil Sky Sports fl-Ingilterra li Coutinho prova jsib soluzzjoni biex ikun jista’ jitlaq.
Jidher li Barcelona huma lesti li jħallsu €127 miljun għal Coutinho, li ffirma kuntratt ta’ ħames snin u nofs f’Jannar, iżda l-istqarrija tas-sidien setgħet tiċċara l-futur. “Il-klabb ħa deċiżjoni definita li l-ebda offerta għal Philippe mhu se tkun kunsidrata u se jibqa’ membru ta’ Liverpool Football Club meta jagħlaq is-suq tat-trasferimenti,” qalet l-istqarrija qabel ir-rikjesta ta’ Coutinho.
Fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba, Klopp saħaq li l-istqarrija hi ċara u m’għandux xi jżid magħha. Hu kkonferma li Coutinho se jitlef il-logħba tal-kampjonat kontra Watford minħabba li mweġġa’ u jinsab dubjuż ukoll għal partita taċ-Champions League kontra Hoffenheim fost il-ġimgħa.
//= $special ?>