Probabbilment, 75 sena ilu, il-konvoj ta’ Santa Marija ma kienx jidħol Malta u jsalva l-gżejjer Maltin, li kieku ma kienx għall-ħidma tal-hekk imsejjħa ‘Operations Room’, jiġifieri l-kamra minn fejn kienet tiġi kordinata d-difiża kollha ta’ Malta fi żmien il-Gwerra.
Fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mid-dħul tal-konvoj ta’ Santa Marija, il-Fondazzjoni Wirt Artna se tagħti l-ħajja mill-ġdid lil din il-kamra b’atturi mill-grupp ‘Spirit of Britain’ li se jkunu qed jagħmlu re-enactment għall-pubbliku biex juru x’kien jiġri fi żmien il-Gwerra.
“Ħassejna li għandna nimmarkaw din l-okkażjoni super-importanti fl-istorja ta’ Malta, għax filfatt il-konvoj ta’ Santa Marija huwa meqjus bħala l-konvoj li salva lil Malta għax li kieku ma daħalx dak il-konvoj, għalkemm daħlu erba’ bastimenti biss, iċ-chances huma li l-gżira kienet iċċedi u naturalment l-affarijiet kienu jkunu differenti ħafna,” spjegalna l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia.
“Ħassejna li għandna nagħmluha b’mod differenti ħafna u minflok noqgħodu nagħmlu exhibitions, jew affarijiet li normalment nagħmlu, din id-darba nipprovaw nagħmlu xi ħaġa totalment differenti billi nagħtu ħajja lil din il-kamra importanti li ntużat f’dik l-okkażjoni storika,” żied jgħid.
Normalment, din il-kamra tkun mgħammra b’figuri life-size li jagħtu togħma tal-ambjent f’din il-kamra waqt il-Gwerra. Imma għal din id-darba biss, bejn is-Sibt u l-Ħadd, se jkunu nies ta’ vera li jirreċtaw b’mod mill-aktar awtentiku u preċiż dak li isir minn din il-kamra għexieren ta’ snin ilu.
“Minn hawnekk kienet tiġi kkordinata d-difiża kollha tal-area ta’ Malta f’każ ta’ attakk. Jiġifieri minn hawnekk kienet tidħol l-informazzjoni mir-radar stations, tgħaddi fil-filter room, tiġi ffiltrata, u jekk kienet tkun valida, kienet tingħadda mill-ewwel f’din il-kamra,” spjega Mario Farrugia.
“Dik l-informazzjoni, imbagħad, kienet tiġi użata mill-kontrollur, u kien jieħu d-deċiżjoni jekk jattakkax bl-ajruplani biss, jekk jattakkax bil-kanuni biss jew jattakkax bl-ajruplani u l-kanuni,” żied jgħid.
Mario Farrugia spjega li l-kontrollur kellu responsabbiltà kbira li abbażi tal-informazzjoni li tidħol, jieħu deċiżjonijiet mgħaġġlin iżda b’mod effikaċi biex l-ispazju tal-ajru Malti jkun protett.
“L-ambjent hawn ġew kien ikun mhux kaotiku, għax filfatt hawnekk kollox organizzat… organizzat tajjeb ħafna. Però naturalment kellek sitwazzjoni fejn kien hawn tensjoni kbira. It-tensjoni kienet ġejja mill-fatt li l-ħin kollu qed ikollok informazzjoni ġdida, trid tieħu deċiżjonijiet mgħaġġla ħafna u barra minn hekk int kien ikollok mhux raid wieħed, imma kwantitajiet kbar ta’ raids ġejjin minn kullimkien,” spjega Mario Farrugia.
Ir-re-enactments fl-Operations Room se jsiru s-Sibt u l-Ħadd biss bejn il-11 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar, b’wirja ġdida tibda kull siegħa. Il-flus mid-dħul se jmorru għal restawr ta’ bini taħt il-protezzjoni tal-Fondazzjoni Wirt Artna.
//= $special ?>