Lokali

FILMAT: Taħt xemx qalila jirsistu biex jixegħlu t-‘Torri tad-Dawl’

B’eluf ta’ elementi pirotekniċi, it-torri tad-dawl għal sena oħra se jkun qed jiddomina ix-show ta’ lejliet il-festa ta’ Santa Marija fl-Imqabba.

Taħt il-qilla tax-xemx, madwar ħamsin entużjast mill-Għaqda tan-Nar Santa Marija għaddejjin bil-preparamenti, biex il-wirja tan-nar ta’ din is-sena tkun aqwa minn tas-sena li għaddiet.

Ix-xogħol tan-nar jsir fuq perjodu ta’ sena sħiħa, iżda fl-għelieqi ilna prattikament xahar sħiħ… nippreparaw ix-xogħol bi preċiżjoni kbira”, spjegalna Jeremy Mercieca, il-kordinatur tal-wirja tan-nar ta’ lejliet il-festa. “In-nies jbdew jinżlu fl-għelieqi fis-sitta ta’ filgħodu, u jibqgħu għaddejjin sa tard billejl, jiġifieri sakemm jinħarqu l-murtali, imbagħad nerġgħu nibdew l-istess proċess il-ġurnata ta’ wara”, żied jgħid.

Taħt il-qilla tax-xemx,
il-membri tal-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba jħejju għall-festa (Ritratt: Martin Agius)

Imma l-qofol tal-wirja ta’ lejliet il-festa jkun bla dubju t-torri tad-dawl. B’eluf ta’ elementi pirotekniċi maħduma b’mod professjonali, it-torri se jkun strumentali fil-wirja tan-nar li tkun tinkludi mhux biss spettaklu tradizzjonali, iżda spettaklu oriġinali b’forom u disinji inovattivi.

“It-torri tad-dawl huwa element li waqqafnieh aħna, propju hawnekk ġewwa l-Imqabba fl-2011. Għandna rekord nazzjonali tal-itwal ħarqa vertikali minnu, u din is-sena komplejna nżidu l-effetti uniċi minn miegħu sabiex nagħtu dehra isbaħ u iktar rinomata għall-festa tal-Imqabba,” żied jispjega Jeremy.

Imma għall-Għaqda tan-Nar Santa Marija Mqabba, din is-sena hija iktar speċjali minn oħrajn, minħabba żewġ anniversarji importanti – il-75 anniversarju mid-dħul tal-konvoj ta’ Santa Marija u 10 snin minn meta f’Ruma din l-għaqda tan-nar rebħet kampjnat mondjali li fih kienu pparteċipaw numru kbir ta’ kmamar barranin.

U l-ħidma tal-entużjasti tan-nar tissokta minkejja x-xemx kiefra u s-sħana qawwija, bl-iskop li l-pubbliku jingħata l-aqwa spettaklu possibbli.

“Jekk Alla jrid Santa Marija żżomm idejha fuq tan-nar kollha u jmur kollox kif mixtieq, inkunu ferħanin ħafna, għax dak kollu li tkun ilek tipprepara kemm manwalment kif ukoll fiżikament, tkun qed tiċċelebra s-suċċess tiegħu”, temm jgħid Jeremy Mercieca.

Il-kordinatur tal-wirja tan-nar ta’ lejliet il-festa Jeremy Mercieca jittama li kollox imur sew (It-torri tad-dawl tal-Imqabba (Ritratt: Martin Agius)
L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba qed tfakkar l-10 anniversarju mir-rebħ ta’ kampjonat mondjali tan-narIt-torri tad-dawl tal-Imqabba (Ritratt: Martin Agius)
It-torri tad-dawl tal-Imqabba (Ritratt: Martin Agius)