Aġġornata
Il-ħemda tal-lejl inkisret f’Santa Luċija meta l-lejl li għadda seħħ dak li qed ikun deskritt bħala attentat ta’ qtil, meta raġel qala’ daqqiet ta’ sikkina.
Ir-raġel, ta’ 59 sena kien fir-residenza tiegħu f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija meta seħħ il-każ. Jirriżulta, skont informazzjoni tal-Pulizija, li malli qala daqqiet b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta, il-vittma talab l-għajnuna minn residenza privata fl-istess Misraħ fejn jgħix.
Minn hemmek, ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura fejn kien minn hemmekk stess li l-Pulizija ġew infurmati dwar il-każ mill-awtoritajiet tas-saħħa għall-ħabta tal-4.30 ta’ filgħodu b’dak li kien għadu kif seħħ.
Ma’ sbiħ ix-xemx, fuq il-post setgħu jintlemħu għadd ta’ Pulizija tad-Distrett kif ukoll uffiċjali forensiċi mit-Taqsima tax-Xena tar-Reat li fuq il-post bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-każ, fost oħrajn bil-ġbir tal-evidenza. Dan hekk kif sa filgħodu, l-aggressur jew agressuri kienu għadhom ma ġewx identifikati.
Filfatt, skont rapporti fil-media, il-Pulizija qed tfittex żewġ persuni b’rabta ma’ dan l-inċident, li aktarx daħlu fl-appartament tal-vittma permezz tat-tieqa li għandu tagħti għal ġewwa fit-terrazzin. Filgħodu, uffiċjali forensiċi dehru jelevaw il-marki tas-swaba minn diversi postijiet, fosthom mit-tieqa.
Persuni fuq il-post li tkellmu ma’ NET News bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi spjegaw li l-vittma mhuwiex miżżewweġ, għalkemm mhux eskluż li miegħu kellu joqgħod persuna ta’ nazzjonalità barranija. L-istess persuni qalulna li l-vittma kemm-il darba kien ikollu xi jgħid ma’ din il-persuna. Imma rapporti oħra fil-media qalu li kienet din il-persuna stess li sabet lill-vittma mixħut mal-art u li sejjħet għall-ambulanza. Madanakollu ma setax jonqos li l-Pulizija jinterrogaw lil din il-persuna.
Oħrajn, spjegaw ma’ NET News li għalkemm il-vittma jista’ jiġi deskritt bħala raġel kwiet, ta’ spiss kien ikun fi stat xurban.
Imma sadanittnat għadha għaddejja t-tfittxija għal żewġt irġiel li skont il-vittma tawh daqqiet ta’ sikkina f’diversi partijiet ta’ ġismu, fosthom f’għonqu, f’idu u f’dahru.
Intant, bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia li ordnat li ssir inkjesta u ħatret numru ta’ esperti biex jassistuha.



