Lokali

“Ġrali hekk minħabba nuqqas ta’ paċenzja minn sewwieq mgħaġġel” – sewwieq ta’ rota

Sewwieq ta’ rota qed jappella għal aktar paċenzja fit-triq wara li spiċċa bi ksur f’ġismu minħabba sewwieq mgħaġġel ta’ karozza.

Skont Stanley Cardona, l-Erbgħa li għadda kellu jsuq b’veloċità ta’ 43 kilometru fis-siegħa f’triq dejqa biex iwarrab malajr kemm jista’ jkun peress li beda jross miegħu sewwieq ta’ karozza li beda jdoqqlu l-ħorn.

“Spiċċajt skidjajt għal nofs tat-triq waqt li kont għaddej bit-43 kilometru fis-siegħa,” kiteb Stanley Cardona fuq Facebook. Minkejja li skidja, il-karozza li kkawżat l-inċident baqgħet sejra.

Fuq Facebook, Stanley Cardona qal li ma jixtieqx jiġġudika, iżda talab lill-pubbliku biex jgħinu jwassal il-messaġġ favur aktar paċenzja fit-triq, u biex is-sewwieqa jaħsbu darbtejn dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet mgħaġġla tagħhom meta jkunu qed isuqu.

“Jekk jogħġobkom qisu l-vulnerabbiltà ta’ persuni oħra li jaqsmu t-triq magħkom, fosthom nies jimxu, jiġġogjaw, jiġru, ċiklisti, sewwieqa tal-muturi u anke sewwieqa oħra tal-karozzi”, kiteb Stanley Cardona fl-appell tiegħu.

Filwaqt li fakkar li mhux dejjem ikun possibbli li r-roti jinstaqu fil-ġenb tat-triq, is-sewwieq tar-rota rringrazzja lil kull min waqaf itih l-ewwel għajnuna meta seħħ l-inċident.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=1394722823914488&set=a.447771335276313.100205.100001303521981&type=3&theater