Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, kompla jħabbar aktar proposti dwar it-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista, biex dan ikun ‘Partit Rebbieħ’.
Fost il-proposti ġodda li ħabbar, semma’ li għandu jkun hemm Campaign Office fil-Partit Nazzjonalista fejn dan ikun iffukkat biss fuq l-istrateġija tal-partit. Hu qal li dan il-Campaign Office għandu jibda jopera mill-aktar fiss biex l-istrateġija politika tinbena pass pass. Il-Campaign Office ser ikun responsabbli mit-tmexxija tal-istrategy team kif ukoll l-proċess ta’ surveys.
“B’hekk, l-aħħar perjodi tal-kampanji elettorali jkunu biss kontinwazzjoni naturali u tisħiħ ta’ dak li jkun sar matul iż-żmien,” spjega Alex Perici Calascione li qal li l-preparazzjoni strateġika politika għandha sservi l-elezzjonijiet kollha, fosthom l-elezzjonijiet nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej u dawk lokali.
Il-kandidat għal Kap tal-PN rrefera wkoll għall-uffiċċju ELCOM, uffiċċju li qal huwa kruċjali fil-ħidma tal-partit matul il-leġiżlatura kollha. Qal li filwaqt li għandha tiġi rikonoxxuta l-ħidma kbira li saret matul l-aħħar snin b’mod volontarju minn grupp ta’ nies fl-ELCOM, issa wasal iż-żmien biex dan l-uffiċċju jissaħħaħ biex ikun f’pożizzjoni li jaħdem aħjar u bl-istess intensità matul il-leġiżlatura kollha.
Qal ukoll li jemmen li l-Uffiċċju ELCOM għandu jkollu rappreżentanza permanenti fuq il-Kunsill Amministrattiv u fil-Kumitat Eżekuttiv tal-partit, minbarra li jkun involut direttament f’kull strateġija li l-partit ikun qed iħejji minn żmien għal żmien.
Temm billi rrefera għall-bżonn li l-ELCOM ikun mgħammar b’għodda soda biex id-‘data’ tal-partit tiġi u tibqa’ aġġornata.
//= $special ?>