Elezzjoni Kap PN Lokali

Il-Familja L-Ewwel – Chris Said

Il-familja għandha tkun fiċ-ċentru tal-politika ekonomika tal-Partit Nazzjonalista. Bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista rrid nara ekonomija li ma tiskartax lin-nies imma li hija inklussiva; ekonomija li taħseb fil-pensjonanti, kif ukoll fit-tfal tagħna u t-tfal tat-tfal; ekonomija li tqassam il-ġid b’mod ġust u mhux fejn igawdu biss il-ftit. Dan qalu l-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister Chris Said meta l-Ġimgha filgħodu ħabbar proposti biex il-familja tkun fiċ-ċentru tal-ekonomija.

Fost il-proposti li ħabbar Chris Said hemm illi:

1.      Iż-żgħażagħ m’għandhomx jitqiesu biss bhala konsumaturi li permezz tagħhom jistagħnew il-ftit; imma għandhom ikunu protagonisti importanti fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

2.      Il-PN irid jiżviluppa strateġija fejn il-ġid li jinħoloq igawdi minnu kulħadd u għalhekk jaħdem biex ikun hawn distribuzzjoni ġusta ta’ dan il-ġid.

3.      L-ekonomija tagħna għandha bżonn ittejjeb il-produttivita’ tagħha. Dan tista’ tagħmlu biss jekk isir l-investiment neċessarju fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura.

4.      Fis-settur ekonomiku pajjiżna jrid jagħmel qabża kbira. Għandna ekonomija tajba imma fil-verita’ mhix ekonomja first class. Pajjiżna jrid ikollu politika ekonomika ċara li twassalna sabiex tassew ngħidu li għandna ekonomija first class.

5.      Il-ħaddiem Malti ma jistax jingħata status ta’ ċittadin tat-tieni klassi għax min iħaddem jippreferi jġib barranin li jitħallsu pagi inferjuri.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Chris Said ħabbar proposti għal pensjonanti, fosthom:

1.      Li ma titħallas ebda taxxa tad-dhul fuq il-pensjoni

2.      Li n-nanniet li qed jgħinu fit-trobbija tan-neputijiet jingħataw għajnuna finanzjarja

3.      Mediċini b’xejn għal mard relatat mal-anzjanita’