Il-qawwiet tal-baħar Libjani taw direttiva lill-bastimenti u d-dgħajjes ta’ pajjiżi oħra biex ma jidħlux f’zona ta’ baħar ( qrib il-kosta) għal search and rescue li hi indikata għall-immigranti li qed jippruvaw jaslu l-Ewropa.
Kelliema għall-qawwiet Libjani qalu, fi Tripli, li riedu jwasslu messaġġ ċar ‘lil dawk kollha li qegħdin jabbużaw is-sovranità tal-Libja u li ma jurux rispett għall-istess qawwiet u l-gwardjani tal-kosta Libjani’.
Il-Ġeneral Abdelhakim Bouhaliya, il-kmandant tal-bażi navali fi Tripli fejn saret konferenza speċifika, sostna li l-ebda bastiment minn barra m’għandu l-permess biex jidħol fiż-zona partikulari mingħajr l-awtorizzazzjoni ċara tal-awtoritajiet Libjani.
Bouhaliya kkonferma wkoll li l-Libja ddikjarat uffiċjalment zona għal search and rescue u mingħajr ma speċifika l-iskop taz-zona għall-esklużjoni.
Jidher li l-miżura qed tkun immirata ‘għall-NGOs li jilgħabuha li qed jippruvaw isalvaw lill-immigranti illegali waqt li jwettqu l-azzjonijiet umanitarji’.
Intant, il-Libja qed tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet umanitarji biex ‘jirrispettaw ir-rieda tagħha waqt li jiksbu awtorizzazzjoni mill-Istat (Libjan) anki għal azzjonijiet ta’ fejda u salvataġġ’.
L-Italja wkoll qalet li trid iżżomm riedni aktar soda fuq l-NGOs li qegħdin jgħinu fl-azzjonijiet multinazzjonali għat-tfittxija u salvataġġ tan-nies. Dan waqt li l-pajjiż ġiegħel lill-NGOs biex jiffirmaw għal kodiċi ta’ kondotta ġdida.
L-awtoritajiet Taljani, jiem ilu, kienu kkonfiskaw dgħajsa tal-organizzazzjoni għall-għajnuna Ġermaniża ‘Jugend Rettet’ fuq suspett li l-ekwipaġġ tad-dgħajsa kien ikkollabora, effettivament, ma’ traffikanti tan-nies u b’mod li kien qed jiffaċilita l-immigrazzjoni illegali.
//= $special ?>