Internazzjonali

Il-President tal-Veneżwela jrid taħdita personali ma’ Donald Trump

Nicolas Maduro

 

Il-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro, qal li jrid ikollu laqgħa, wiċċ-imb-wiċċ, mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Meta tkellem quddiem l-assemblea tal-kostitwenti ( li għadha kemm kienet eletta) f’Caracas, Maduro qal li qed jaħseb biex ikollu ‘diskursata personali’ mal-Mexxej Amerikan ladarba huma jattendu s-sessjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li ssir ix-xahar id-dieħel fi New York.

Donald Trump, fl-aħħar jiem, kien impona s-sanzjonijiet fuq Maduro, fejn akkużah dwar politika intiża biex ittellef id-demokrazija fil-Veneżwela.

Sadanittant, il-White House f’Washington ma weġibx għall-aħħar kummenti ta’ Maduro li, f’Caracas, tenna li ‘il-President Trump jaf fejn isibu jekk hu daqshekk interessat fil-Veneżwela’.

Fl-istess ħin, Maduro, waqt id-diskors tiegħu, beda jitratta temi ‘aktar familjari u tradizzjonali’ kontra l-Istati Uniti, fejn, fost oħrajn, akkuża ‘lill-imperjalisti’ dwar sehem f’kumplotti kontra l-Gvern tal-Veneżwela. Nicolas Maduro qal ukoll li lest jidher quddiem qorti Amerikana biex jisfida s-sanzjonijiet imposti fuq pajjiżu mill-Istati Uniti.