Internazzjonali

Iridu jħallsu bil-kbir talli għamew lill-piloti b’lasers

Il-Pulizija fi Spanja qalu li missier u ibnu – it-tnejn ċittadini Britanniċi – qed jiffaċċjaw multi li jistgħu jkunu ekwivalenti għal aktar minn 540,000 ewro talli allegatament ippuntaw laser pens lejn ajruplani li kienu qed iħejju għall-inżul.

Il-Pulizija qalu li l-missier, ta’ 41 sena, u l-iben ta’ 15 il-sena, intlemħu huma u jixgħelu l-lasers lejn l-ajruplani li kienu neżlin fl-ajruport ta’ Malaga. Dan meta huma kienu fuq il-gallerija tal-kamra tal-lukanda tagħhom, fl-inħawi ta’ Terremolinos.

L-indikazzjonijiet huma li numru ta’ piloti rappurtaw li ‘ma setgħux jaraw għal xi ħin’ wara li spiċċaw suġġetti għal green laser pointer u meta huma kienu qed iħejju biex iniżżlu l-ajruplani. Intant, is-servizzi għall-emerġenzi rnexxielhom isibu u jidentifikaw lill-persuni responsabbli u anki ħatfu l-laser pens inkwistjoni.

Fi Frar, il-Gvern Britanniku qal li n-nies li jixgħelu l-laser pens lejn piloti jew xufiera għandhom jeħlu multi kbar jew anki ħabs, taħt poteri ġodda.