Elezzjoni Kap PN Lokali

Irrid immur inħabbat bieb bieb, nitlob skuża lil dawk li weġġajna – Adrian Delia

“Il-Partit Nazzjonalista jrid isewwi ir-relazzjoni tiegħu ma’ dawk kollha li ħassewhom inweġġa’ tul is-snin li l-PN għamel fil-Gvern,” qal Adrian Delia, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap PN, f’messaġġ li ħareġ għal kunsilliera, tesserati u membri tal-kumitati sezzjonali tal-PN.

Adrian Delia ħass li kellu joħroġ dan il-messaġġ wara diversi laqgħat li kellu ma’ nies li għażlu li ma jivvutawx lill-PN għaliex ħassew li l-partit ma kienx qed jagħti widen għall-problemi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

“Irrid immur jien, inħabbat bieb bieb, biex nitlob skuża u nreġġa’ lura lil dawn in-nies,” qal Adrian Delia waqt li sostna li jemmen li m’hux dejjem kien il-partit li naqas lil dawn in-nies, iżda setgħu kienu persuni fi ħdanu li abbużaw mill-poter fdat lilhom.

Adrian Delia qal li l-Mod Ġdid kif jixtieq li ssir il-politika fil-PN hu li b’umiltà nisimgħu l-ideat tan-nies, niddiskutuhom mal-fergħat u kumitati fil-partit u wara noħorġu bil-pożizzjoni tagħna. “Dan hu proċess li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ nies li mhux bilfors kollha ġejjin mill-PN, għaliex hemm nies ta’ fehma laburista li jħossuhom imwarrba mill-partit tagħhom għaliex mhumiex parti minn xi klikka,” qal Adrian Delia.

“Irridu niftħu l-biebien u t-twieqi ħalli tidħol arja ġdida fil-partit,” sostna Adrian Delia. “Dawk li ma jridux li ninbidlu issa nfexxew jattakkawna biex nibqgħu l-istess,” temm jgħid Adrian Delia.