Fuq proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, ilbieraħ qabel li ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tad-deputat Edwin Vassallo li fil-Parlament vvota kontra l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
F’kumment dwar din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal: “Ejja niffukaw fuq l-affarijiet importanti. L-aktar ħaġa importanti mhix li deputat wieħed ivvota kontra. L-aktar ħaġa importanti hija li bil-vot favur din il-liġi il-Partit Nazzjonalista għamel pass kbir ‘il quddiem favur l-ugwaljanza f’pajjiżna. Jiena kburi li wassalt il-partit biex jagħmel dan il-pass importanti, minkejja li nifhem li kien pass diffiċli għal xi wħud. Din id-deċiżjoni issa ħadnieha u jeħtieġ inħarsu ‘l quddiem b’sens ta’ għaqda u mhux ninħlew fuq x’passi għandna nieħdu kontra dak jew l-ieħor.”
Fl-istess laqgħa, il-Kap tal-Partit wera l-apprezzamment tiegħu lejn deputati oħra tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li minkejja li kellhom huma wkoll riżervi dwar il-liġi, xorta taw eżempju ta’ lealtà lejn il-partit billi vvutaw favur il-liġi mal-kumplament tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>