Lokali

Jerġa jniedi skema li kien ikkritika mill-Oppożizzjoni – Ivan Bartolo, Kelliem għall-Housing

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

Skema Kiri mhix skema ġdida kif prova jbiegħha s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Skema Kiri tnediet fi Frar tal-2012 minn Gvern Nazzjonalista, u permezz tagħha, mijiet ta’ proprjetajiet privati ġew mikrija lill-Gvern li seta jużahom għall-housing soċjali. Din kienet skema innovattiva li kienet ġiet imfaħħra minn bosta, ħlief mill-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien li ħarġet tikkritika din l-iskema.

Sostna dan il-kelliem għall-Housing u l-ġlieda kontra l-faqara Ivan Bartolo fejn fi stqarrija qal li  filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ Skema Kiri mill-Gvern Laburista aktar kmieni llum, ma jistax ma jinnotax in-nuqqas ta’ strateġija u viżjoni minn dan il-Gvern li ma jiddejjaq xejn jidħaq bin-nies f’wiċċhom.

Bartolo fakkar li tant kemm il-Partit Laburista kien kontra l-istess skema li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa meta ħa l-Gvern f’idejh fl-2013 kienet proprju li jwaqqaf din l-iskema.

“Issa, wara li l-problema tal-housing iggravat fl-aħħar snin tant li l-lista ta’ stennija żdiedet b’mod qawwi, l-Gvern ma kellu ebda triq oħra ħlief li jibla’ kliemu dwar din l-iskema u jerġa’ jnediha. Kieku l-Gvern Laburista, b’għebusija tar-ras, ma waqqafx l-iskema fl-2013 – meta f’sena waħda biss, kienu ngħataw 600 unit għall-housing soċjali – kieku l-isfida tal-housing soċjali ma kenitx tiggrava għas-sitwazzjoni tal-lum,” sostna Ivan Bartolo

L-istqarrija ttemm li l-Partit Nazzjonalista, dak li hu tajjeb jgħidlu tajjeb, imma dak li hu ħażin jgħidlu ħażin ukoll. Filwaqt li hu pass tajjeb li din l-iskema reġgħet tnediet wara li twaqqfet minn dan il-Gvern, dan il-Gvern messu kellu d-deċiżjoni li jispjega l-fatti kif inhuma u mhux jidħaq bin-nies f’wiċċhom.