Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir ta’ Joseph Muscat fil-konfront tal-whistleblowers hu wieħed kundannabli għaliex joħroġ biċ-ċar li l-protezzjoni tal-whistleblowers tgħodd fejn jaqbillu biss. Meta whistleblower jikxef lil ħaddieħor, għal Muscat tkun eroj. Meta whistleblower jikxef lilu stess, għal Muscat isir kriminal u suġġett għal kampanja ta’ intimidazzjoni u persekuzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li filwaqt li min kixef informazzjoni dwar qraba ta’ eks Ministru Nazzjonalista, Muscat ippremjah b’kuntratti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro, min kixef informazzjoni dwaru stess spiċċa vittma ta’ intimidazzjoni u persekuzzjoni tant li ma kellha ebda triq oħra ħlief li taħrab mill-pajjiż.
Il-Partit Nazzjonalista qal li m’hemm l-ebda dubju li l-whistleblower tal-kumpanija Egrant spiċċat ippersegwitata minn Muscat wara li żvelat dettalji xokkanti dwar min hu s-sid misterjuż tal-kumpanija kif ukoll dwar flejjes li daħlu jew ħarġu minnha. Il-whistleblower qalet li rat dawn id-dokumenti meta kienet impjegata tal-bank Pilatus.
Quddiem ir-rivelazzjonijiet bla preċendent tal-whistleblower, flok ta protezzjoni, Joseph Muscat fetaħ kampanja qawwija ta’ attakki u intimidazzjoni kontra tagħha tant li, kif tħabbar fil-Qorti, spiċċat ħarbet mal-familja tagħha mill-pajjiż.
It-theddid u l-intimidazzjoni kienu qed isiru saħansitra fil-pubbliku, b’diskorsi u stqarrijiet mill-Prim Ministru li pruvaw ikissru l-kredibilità tal-whistleblower u l-fatti li kienet qed tiżvela.
Muscat jipproteġġi il-whistleblower meta jaqbillu biss. Lil dak li qal li ried hu, tah kuntratti ta’ mijiet ta’ eluf, iżda lil din għamel minn kollox biex jagħlqilha ħalqha sakemm spiċċat ħarbet.
Anke f’dan il-każ, il-ġustizzja taħt Joseph Muscat inqalbet rasha ‘l isfel. Flok ġew investigatti l-akkużi u ttieħdu passi dwarhom, ingħalaq ħalq il-whistleblower biex spiċċat telqet mill-pajjiż.
Il-ħarsien tal-liġi f’pajjiżna tassew spiċċa u l-liġi m’għadiex tgħodd l-istess għal kulħadd.
//= $special ?>