Futbol Sport

Neymar jista’ jilgħab kontra Guingamp

Neymar waqt il-preżentazzjoni ta' ġimgħa ilu (Ritratt: EPA)

Neymar jista’ jagħmel id-debutt ma’ Paris Saint Germain kontra Guingamp il-Ħadd li ġej, wara li l-Federazzjoni tal-Futbol Franċiża kkonfermat li rċeviet il-karti neċessarji. L-assoċjazzjoni tal-kampjonat Franċiż qalu li kienu għadhom ma rċevewx iċ-ċertifikat internazzjonali tat-trasferiment mill-federazzjoni Spanjola sal-Ġimgħa filgħodu li hu ġimgħa wara li wasal f’Pariġi.

It-trasferiment rekord ta’ €222 miljun ta’ Neymar mingħand Barcelona għal PSG kien komplut il-ġimgħa l-oħra, iżda l-internazzjonali Brażiljan kellu jsegwi l-logħba, bit-tim minn Pariġi jirbaħ l-ewwel logħba tal-kampjonat 2-0 kontra Amiens.

Id-dewmien biex jaslu l-karti kollha seta’ jagħmilha diffiċli biex Neymar jilgħab fit-tieni logħba, iżda din il-konferma tfisser li Neymar mistenni jagħmel id-debutt. Barcelona qalu li ma kien hemm xejn stramb fis-sitwazzjoni u l-istennija kienet l-aktar minħabba l-banek li riedu jagħmlu l-flus għad-dispożizzjoni qabel mat-trasferiment seta’ jiġi awtorizzat.