Gazzetti

Ngħix għal binti, dak dmir li nibqa’ nagħmlu – Shaya, omm it-tarbija

“It-tifla tiegħi tinsab kuntenta kif inhi u fil-magħmudija se jkollha ritratt ma’ min taha l-imħabba li verament tixirqilha. Għax it-tarbija tiegħi hi verament innoċenti u għalhekk ma ħaqqha lil ħadd aktar f’ħajjitha. Nanna għandha, u omm u missier għandha lili u dak id-dmir ma nieqaf nagħmlu qatt.”

Din id-dikjarazzjoni qawwija għamlitha Shaya mal-ġurnal in-Nazzjon, omm it-tarbija li għadha kemm twieldet b’reazzjoni għal talbiet persistenti biex il-missier ikun preżenti għaċ-ċerimonja tal-magħmudija.

Il-missier ta’ din it-tarbija hu Kerstin Catania li bħalissa jinsab fil-Ħabs u li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa qala’ xebgħa mingħand priġunieri Għarab li ħabtu għalih f’Diviżjoni Sitta u kkaġunawlu diversi ġrieħi f’partijiet differenti tal-ġisem tiegħu.

L-istorja kollha dwar dan il-każ bdiet nhar nhar it-Tnejn li għadda meta n-nanna ta’ din it-tarbija – Grace Cini li tiġi omm il-priġunier Kerstin Catania – għamlet kuntatt ma’ Xarabank u talbet li binha jkun preżenti għaċ-ċerimonja tal-magħmudija tan-neputija tagħha.

Grace Cini hi wkoll residenta fil-Ħabs, iżda f’waħda mit-Taqsimiet tan-Nisa. Hi qed tiskonta priġunerija relatata mad-droga u mill-Ħabs, permezz ta’ ċellulari, tkellmet mal-media u għamlet appelli lill-awtoritajiet tal-Ħabs biex binha jitħalla joħroġ biex ikun preżenti għall-magħmudija tat-tifla tiegħu.

L-għada filgħodu, Kerstin Catania kien il-vittma ta’ xebgħa li qala’ mingħand numru ta’ priġunieri Għarab li nfexxew isawtuh. Mhux magħrufa r-raġuni preċiża dwar dan l-inċident serju f’Diviżjoni Sitta, iżda sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalulna li probabbilment kollox idur ma’ negozju tad-droga.

Jirriżulta wkoll li meta nhar it-Tlieta filgħodu saret tfittxija minn membri tal-SRT fiċ-ċella ta’ Kerstin Catania, din it-tfittxija rriżultat f’waħda pożittiva għaliex minnha kienu elevati oġġetti illegali, probabbilment xi tip ta’ droga.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu Shaya, omm it-tarbija, f’kumment estensiv fuq sit soċjali, qalet li: “Għadkom kif tfajtu filmat fuq sit soċjali u fih membru tal-media tkellem ma’ ħabsija li tixtieq lil binha joħroġ mill-Ħabs biex jara lit-tifla titgħammed.

“L-ewwelnett nixtieq ngħidilkom li omm it-tifla hi jien u li dik li tkellmet tigi l-kunjata tiegħi. Binha li jinsab il-Ħabs hu l-eks-boyfriend tiegħi.

“Nixtiqkom tagħmlu favur lili, lit-tarbija li għadha tat-twelid u anke lill-poplu Malti u tilħqu salibkom. Tħassru lil min hu vera miskin mhux lil xi kummidjant li għamel il-ħażin u issa jipprova jidher ta’ ‘santa sorellina’.

 

Shaya omm tarbija kitbet li “t-tifla tiegħi tinsab kuntenta kif inhi u fil-magħmudija se jkollha ritratt ma’ min taha l-imħabba li verament tixirqilha. Għax it-tarbija tiegħi hi verament innoċenti u għalhekk ma ħaqqha lil ħadd aktar f’ħajjitha. Nanna għandha u omm u missier għandha lili u dak id-dmir ma nieqaf nagħmlu qatt,”

L-istorja kollha tinsab fil-ġurnal in-Nazzjon.