Lokali

Is-Saudi Hawks parti mill-Malta International Airshow 2017

Is-Saudi Hawks jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Malta International Airshow. Din se tkun l-ewwel darba li se naraw dan it-tim fl-Airshow Malti li se jitella’ għall-25 darba bejn it-23 u l-24 ta’ Settembru.

Wara t-Turkish Stars u l-Iswiss PC-7 Team, is-Saudi Hawks huma t-tielet tim akrobatiku li hu kkonfermat għall-25 edizzjoni

Is-Saudi Hawks Aerobatic Display Team se jkunu qed jesebixxu il-ħiliet tagħhom waqt il-wirja tal-ajru tal-Airshow, waqt li l-pubbliku ġenerali se jkollu l-opportunità li jiltaqa’ mal-piloti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan it-tim itir b’ajruplan BAE Hawk Mk65 li hu mmodifikat apposta u mgħammar bi smoke generators.

Waqt l-esebizzjoni, it-tim se jkun qed juri xi wħud mill-manuvri ikoniċi tagħhom, fosthom waħda magħrufa bħala ‘The Logo’, li biha rnexxielhom jiksbu Guinnuess World Record għall-ikbar logo pinġut fis-sema. Waqt din il-manuvra straordinali, l-ajruplani kollha se jkunu qed ipinġu l-emblema nazzjonali tagħhom fis-sema.

Il-Malta International Airshow ta’ din is-sena se jinkludi iktar minn 40 ajruplan differenti li se jkunu qed jipparteċipaw kemm fil-wirja statika u dik akrobatika. Il-wirja se titella’ wara nofsinhar quddiem SmartCity fix-Xgħajra.