Il-plejer Malti Stevie Camilleri se jkun qed ikompli l-karriera tiegħu fl-Italja wara li ffirma kuntratt ma’ Roma Nuoto. Camilleri li beda l-karriera ma’ Neptunes, klabb li għadu jilgħab miegħu fil-kampjonat tas-sajf, ilu diversi snin jilgħab barra minn xtutna.
Wara żmien qasir ma’ Partizan Belgrade, Camilleri lagħab għal sitt snin fil-kampjonat A1 ma’ Bogliasco, u wara lagħab għal staġun fil-kampjonat A2 ma’ 7 Scogli.
Il-prestazzjonijiet tajbin ta’ Camilleri wasslu biex fl-2015 reġa’ beda jilgħab fl-ogħla kampjonat Taljan din id-darba ma’ Ortigia fejn fiż-żewġ staġuni li lagħab magħhom, kien strumentali biex Ortigia żammew posthom mal-kbar bi kważi 100 gowl skorjat kif ukoll spiċċa l-aqwa skorer tat-tim tiegħu.
F’kumment fuq is-sit uffiċjali tal-klabb, il-Viċi-President Luigi Grossi qal li Stevie Camilleri hu akkwist eċċellenti u se jimla l-vojt li ħalla l-plejer Setka. Hu sejjaħ lil Camilleri bħala plejer ta’ livell internazzjonali, u qal li l-akkwist tiegħu hu sinjal tal-ambizzjoni tagħhom biex għal sena oħra jikkompetu fl-ogħla livelli.
“Kuntent li ngħaqadt ma’ Roma Nuoto. Huma klabb importanti b’akkademja b’saħħitha ħafna, u fil-kategoriji taż-żgħar huma fost l-aqwa fl-Italja. Riċentament bdejt nikkowċja fil-livelli ż-żgħar u għalhekk nuża din l-opportunità biex nitgħallem u nikseb l-esperjenza li imbagħad nerġa’ nġib miegħi.”
“Fuq livell tal-kbar huma veru ambizzjużi u kienu qrib li jiksbu l-promozzjoni A1 fejn tilfu fil-finali fl-aħħar sentejn. Se nkun qed nieħu post il-Kroat Angelo Setka li rebaħ il-fidda fl-aħħar Olimpjadi u riċentament rebaħ id-deheb fil-Kampjonat tad-Dinja. Se nidħol f’żarbun kbir imma ninsab motivat u se nagħmel dak kollu possibbli biex nilħqu l-għan tagħna,” qal Stevie Camilleri f’kummenti lil dan is-sit.
//= $special ?>

