Internazzjonali

Tamiet li l-kriżi mal-Korea komunista tkun riżolta bid-diplomażija

Il-Ministru tad-Difiża tal-Istati Uniti, James Mattis, qal li pajjiżu għadu qed jittama li jsolvi l-kriżi tal-Korea ta’ Fuq komunista permezz tad-diplomażija.

Wara jiem  ta’ kummenti u diskorsi rabbjużi mill-Istati Uniti u l-Korea komunista, Mattis  qal li kwalunkwe gwerra għandha tkun ‘katastrofika’ u li d-diplomazija, f’dan il-każ, ‘qed tikseb ir-riżultati’.

Ir-reġim Korean fi Pyongyang, din il-ġimgħa, sostna li qed jiffinalizza pjan biex pajjiżu, fil-jiem li ġejjin, jispara erba’ missili fid-direzzjoni tat-territorju Amerikan ta’ Guam.

Intant, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li l-Korea komunista ‘għandha tassew għalfejn tinkwieta’ jekk tasal biex tieħu xi azzjoni kontra l-Istati Uniti. Fl-aħħar kummenti , Trump wissa li pajjiżu għandu s-soluzzjonijiet militari f’posthom f’każ li l-Korea ta’ Fuq tibqa’ turi atteġġjament aggressiv.

It-tensjoni bejn Pyongyang u Washington irrankat fl-aħħar ġimgħat wara li l-Korea ta’ Fuq, ix-xahar li għadda, wettqet il-provi għal żewġ missili ballistiċi interkontinentali.

L-ansjetà, issa, kompliet tikber ladarba Pyongyang ħabbar il-pjan tiegħu biex jispara missili ‘għal fuq distanzi medji jew fit-tul’ lejn Guam, il-gżira ċkejkna fil-Paċifiku, fejn huma bbażati l-bombers strateġiċi  tal-Istati Uniti.

Madankollu ma hemmz indikazzjoni li xi attakk fuq Guam huwa, fil-fatt, imminenti.