Il-Ħadd fil-grawnd tal-Olimpico ta’ Ruma jingħata bidu għall-istaġun tal-futbol Taljan bil-finali tas-Super Cup Taljana bejn Lazio u Juventus.
Dawn tal-aħħar, fl-istaġun li għadda rebħu d-‘Double’, il-kampjonat u l-Coappa Italia u waslu anke sal-finali taċ-Champions League li tilfuha kontra Real Madrid.
Il-Bianconeri jibdew bħala l-akbar favoriti li jirbħu dan l-unur biex mhux biss jibdew l-istaġun fuq nota tajba imma anke biex ipattu għat-telfa li kienu sofrew fil-finali tas-Super Cup ta’ sena ilu kontra Milan.
Dakinhar, għall-kuntrarju tas-soltu l-logħba ntlagħbet jiem qabel il-Milied filwaqt li din is-sena se tkun proprju l-logħba li tiftaħ l-istaġun.
Il-finali tas-Super Cup tkun ikkontestata bejn it-tim li jkun rebaħ il-kampjonat u t-tim li jkun rebaħ il-Coppa Italia imma minħabba li Juventus rebħu t-tnejn li huma dawn se jaffrontaw lir-runners-up tal-Coppa Italia.
F’Mejju li għadda Lazio ħarġu telliefa bi skor ta’ 2-0 biex b’hekk minn naħa tagħhom Juventus saru l-ewwel tim fl-istorja li rebaħ il-Coppa Italia għal tliet snin infila.
Wieħed jista’ jgħid li s’issa Juventus qed ikollhom problema fid-difiża, anke jekk akkwistaw lid-difensur internazzjonali Taljan Leonardo Bonucci mingħand Milan. F’erba’ partiti li lagħbu fil-preseason dawn dejjem sofrew gowl, kontra Barcelona, kontra PSG, kontra Roma u kontra Tottenham.
Wieħed jista’ jargumenta li l-avversarji li lagħbu kontrihom Juventus f’dawn l-aħħar ġimgħat huma aktar ta’ stoffa minn Lazio imma bla dubju li l-kowċ tal-Bianconeri Allegri jrid li din il-problema tissolva malajr kemm jista’ jkun hekk kif ġimgħa oħra dawn jibdew bid-difiża tat-titlu bl-ewwel logħba tal-kampjonat nhar is-Sibt li ġej kontra Cagliari. Minn naħa tagħhom Lazio jilagħbu l-Ħadd kontra t-tim neo-promoss ta’ SPAL.
Filwaqt li Juventus jibdew bħala l-favoriti li jibdew bir-rebħ ta’ din it-tazza tajjeb wieħed jiftakar li Lazio se jkunu qed jilagħbu fil-grawnd tagħhom u dan jaf ikun fattur li jgħin ħafna.
//= $special ?>