Lokali

Għexieren isellmu lil Nenu ‘Il-Balaj’, l-anzjan li tilef ħajtu fil-Marsa

Nenu, magħruf bil-laqam tal-Balaj, hu l-anzjan ta’ 72 sena li tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident li seħħ iktar kmieni dalgħodu fi Triq Diċembru 13, il-Marsa.

Jirriżulta li r-raġel kien se jaqsam it-triq fid-direzzjoni tal-Korsa tal-Marsa meta ntlaqat minn vettura tat-tip Citroen Cactus, misjuqa min raġel ta’ 37 sena minn Ħaż-Żabbar.

Fuq il-post ġiet imsejħa ambulanza li ħadet lill-anzjan lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat mejjet.

Għal xi ħin b’kawża tal-inċident fil-karreġġjata fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta kien hemm konġestjoni kbira tat-traffiku.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant, immedjatament mal-aħbar tal-inċident, kien hemm xokk fost il-komunità tal-Marsa, b’għexieren li ħallew messaġġi ta’ kondoljanza lill-familja Ellul għat-telfa ta’ Nenu. Deskritt bħala raġel li kien għadu mimli bis-saħħa u qalbu tajba min-neputijiet tiegħu.

Oħrajn spjegaw kif il-Balaj spiss kien idur bil-kelb tiegħu u kienu jħobbu jieqfu jitkellmu miegħu minħabba l-karattru ħelu li kellu.