Internazzjonali

Għexieren ta’ tfal imutu l-isptar fl-Indja

Talanqas 60 tfal mietu fi sptar pubbliku lejn it-Tramuntana tal-Indja, fost allegazzjonijiet li l-provvista tal-ossiġinu kienet inqatgħet lill-isptar minħabba kwistjoni dwar kontijiet mhumiex imħallsin.

Uffiċjali fl-Istat ta’ Uttar Pradesh ammettew dwar ‘intoppi’ konnessi mal-provvista tal-ossiġnu iżda tennew li dawn ma kinux dovuti għall-imwiet inkwistjoni.

L-istampa lokali, intant, irreferiet għal ‘paniku kbir fl-isptar’, bil-qraba tat-tfal jippruvaw jgħinu lill-istaff paramediku fejn, fost oħrajn, intużaw breathing bags manwali.

Ħafna mill-vittmi kienu fit-taqsima tal-isptar għall-kura intensiva tat-trabi, bl-imwiet iseħħu tul perjodu ta’ ħamest ijiem ( minn nhar it-Tnejn) u bi 30 mewta jkunu rreġistrati bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. L-isptar inkwistjoni jinsab fid-distrett ta’ Gorakphur.