Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jiċċelebra l-Jum Internazzjonali iddedikat għaż-żgħażagħ

Il-KNŻ ingħaqad fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ li din is-sena t-tema magħżluha hi dik għal Promozzjoni ta’ Paċi (Youth Building Peace). Bħala kunsill qegħdin niċċelebraw l-irwol importanti li ż-żgħażagħ għandhom fejn jidħlu temi bħal inklużjoni, ġustizzja soċjali u paċi. Marbuta ma’ din it-tema il-KNŻ se jkun qiegħed jorganizza kampanja nazzjonali fuq Hate Speech bl-għan li jkompli jeduka kemm liż-żgħażagħ kif ukoll lill-pubbliku in ġenerali fuq is-suġġett. Fl-istess ħin se jkompli jqajjem kuxjenza dwar dan u jgħin fil-prevenzjoni ta’ Hate Crime u Hate Speech.

Bħala Kunsill se nibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħna. Il-Kunsill ikompli jinsisti li ż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena għandhom ikollhom id-dritt tal-vot estiż għalihom. Kienet diġa ta’ sfortuna kbira li kemm fir-referendum tal-kaċċa kif ukoll fl-elezzjoni ġenerali li għadha kemm għaddiet, dawn iż-żgħażagħ ma kellhomx l-opportuna li jeżerċitaw dmirhom biex b’hekk ikunu parti mill-proċess demokratiku li se jaffettwa l-preżent kif ukoll il-futur tagħhom. Diġa giet imressqa mozzjoni fil-parlament fuq dan is-suġġett, u għalhekk nistennew li din l-istess mozzjoni tibda tiġi diskussa. Għandha wkoll tiddaħħal l-edukazzjoni ċivika bħala parti mill-istudji obbligatorji kemm b’edukazzjoni formali kif ukoll dik non-formali.

Il-Kunsill jixtieq itemm din l-istqarrija billi jistieden lil-pubbliku ġenerali għal fiera ta’ Teknoloġija u Innovazzjoni li se tiġi organizzata mill-istess Kunsill nhar il-Ħadd 20 ta’ Awwissu f’Pjazza San Ġorġ il-Belt mill-5 ta’ filgħaxija ‘il quddiem.