Internazzjonali

Il-President tal-Kenja elett mill-ġdid bl-Oppożizzjoni ma taċċettax ir-riżultat

Il-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, reġa’ kien elett Mexxej tal-pajjiż wera l-elezzjonijiet ta’ nhar it-Tlieta. Ir-riżultat uffiċjali hu appoġġjat mill-akbar grupp għall-moniteraġġ fit-territorju.

Kenyatta, li ilu President mill-2013, kiseb ftit aktar minn 54 fil-mija tal-voti kontra l-45 fil-mija għar-rivali u sfidant ewlieni, Raila Odinga.

Wara l-aħbar tar-rebħa, Kenyatta appella għall-għaqda fost il-poplu fejn qal lis-sostenituri tal-Oppożizzjoni li ‘huma lkoll ċittadini tal-istess repubblika’.

Madankollu, l-Oppożizzjoni fil-Kenja qed tiċħad ir-riżultati tal-elezzjoni waqt li akkużat lill-Gvern b’li qed imexxi ‘terrur sponsorjat mill-Istat’.

Fl-istess ħin, ir-riżultat tal-elezzjoni fil-Kenja kien aċċettat mill-osservaturi internazzjonali, b’Kenyatta jsostni li dawn l-osservaturi aċċertaw li l-elezzjoni f’pajjiżu kienet waħda ‘ħielsa, xierqa u kredibbli’.

L-aħħar rapporti rreferew għal protesti fil-belt ta’ Kisumu, fortizza tal-Oppożizzjoni, kif ukoll f’diversi kwartieri fil-kapitali Najrobi. Kien hemm ukoll każi fejn dimostranti fil-kwartier ta’ Kibera attakkaw numru ta’ stabbilimenti, fost rapporti li l-pulizija intervjenew bil-gass tad-dmugħ f’numru ta’ lokalitajiet. Kienu anki rappurtati ammont żgħir ta’ mwiet fost l-inċidenti.

Ħafna osservaturi qed jinkwetaw dwar ripetizzjoni tal-vjolenza li nqalgħet wara l-elezzjoni ta’ għaxar snin ilu fil-Kenja, fejn kienu mietu ‘il fuq minn 1,100 persuna, b’600,000 oħra jispiċċaw jgħixu ta’ refuġjati.