Filwaqt li d-dinja qed issegwi b’ansjetà l-aħħar żviluppi konnessi mal-Korea ta’ Fuq, il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, ħeġġeġ biex l-Istati Uniti u r-reġim komunista Korean fi Pyongyang jeżerċitaw il-kontroll u jevitaw kliem u azzjoni li kapaċi żżid it-tensjoni.
Fl-aħħar jiem, il-President Amerikan Donald Trump u r-reġim tal-Korea ta’ Fuq kienu involuti f’battibekki verbali jaħarqu u mill-aktar ostili, fejn il-Gvern ta’ Trump hedded li juri l-veru saħħa tal-militar tal-Istati Uniti jekk kemm il-darba jkomplu l-provokazzjonijiet minn Pyongyang.
It-tensjoni relatata mal-programm nukleari tal-Korea ta’ Fuq żdiedet wara li Pyongyang, ġimgħat ilu. wettaq il-provi għal żewġ missili ballistiċi interkontinentali.
Sadanittant, iċ-Ċina qed tagħmel li tista’ biex tipperswadi lill-Istati Uniti u l-Korea komunista biex jirtiraw mill-istat ta’ konfront u, ilbieraħ, stqarrija minn Washington qalet li l-Istati Uniti u t-Tmexxija Ċiniża qablu li l-Korea ta’ Fuq għandha ‘iżżomm lura minn atteġġjament provokattiv li jservi biex jeskala l-kriżi.’
Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar jiem, esprimiet rabja kbira għad-deċiżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiżdiedu s-sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront tagħha.
Intant, l-aħħar rapporti miċ-Ċina qalu li l-President Xi Jingping, waqt telefonata lil Trump, fakkar fis-sitwazzjoni delikata li teżisti fil-peniżola Koreana waqt li tenna li ċ-Ċina u l-Istati Uniti għandhom interess komuni rigward id-denuklearizzazzjoni u ż-żamma tal-paċi f’dik il-peniżola.
Stqarrija mill-White House ta’ Washington qalet li Donald Trump u Xi Jinping ‘qed igawdu relazzjoni mill-qrib fost awgurju li din twassal għal riżoluzzjoni paċifika tal-problema tal-Korea komunista’. Qabel, il-President Trump kien ikkritika liċ-Ċina għan-nuqqas tagħha biex trażżan lill-Korea komunista fejn tenna li Beijing ‘jista’ jagħmel ħafna aktar fiċ-ċirkustanzi’.
Fl-istess ħin, stqarrija mill-aġenzija tal-aħbarijiet KCNA tal-Korea ta’ Fuq kompliet ir-retorika provokattiva. Il-messaġġ, f’dan il-każ, kien li ‘il-Gvern Amerikan immexxi minn Donald Trump jaqbillu jqis kliemu sew jekk ma jridx li l-imperu (tal-Amerikani) jisfuma fix-xejn’.
Il-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar jiem, ħabbret pjani biex tispara l-missili viċin it-territorju Amerikan ta’ Guam, fil-Paċifiku, iżda għalissa mhemm l-ebda indikazzjoni ta’ xi attakk imminenti.
//= $special ?>