Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit kif ukoll Shadow Ministergħall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ilbieraħ appella lill-Gvern biex ma jħallix is-sitwazzjoni fil-Ħabs ta’ Kordin tkompli teskala u biex immedjatament tiskatta investigazzjoni serja dwar l-inċident gravi ta’ nhar it-Tlieta li għadda meta priġunier Malti kien aggredit u msawwat minn numru ta’ priġunieri Għarab.
Beppe Fenech Adami, ilbieraħ waranofsinhar tkellem ma’ In-Nazzjon u qal li hu qed isegwi mill-qrib dak kollu li qed jiġri fil-Ħabs fejn ir-rapporti li qed jaslulu huma inkwetanti ħafna.
Kollox jindika li kemm il-Gvern innifsu u wkoll it-tmexxija attwali tal-Ħabs qed jabdikaw mir-rwol tagħhom li jassiguraw li l-Ħabs ta’ Kordin ikun post fejn il-persuni li jidħlu fih joħorġu minnu riformati u mħejjija biex jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.
Beppe Fenech Adami qal li huma xokkanti r-rapporti li qed jidhru fil-midja, fosthom bi prominenza fil-midja tal-Partit Nazzjonalista, dwar kif sitwazzjoni tad-droga fil-Ħabs ħarbet minn kull kontroll.
In-Nazzjon żvelat kif priġunier Malti, Kerstin Catania, nhar it-Tlieta filgħodu ssawwat minn numru ta’ priġunieri Għarab hekk kif il-priġunier Malti kien għadu kemm intbagħat suppost f’iżolament f’diviżjoni sitta tal-Ħabs. Hu appella lill-Gvern biex quddiem dawn l-inċidenti serji fejn priġunier ikun aggredit u msawwat ma jibqax indifferenti u passiv iżda jinvestiga x’ġara u jassigura li inċidenti bħal dawn ma jirrepetux ruħhom.
Ta’ min jgħid li dak li ġara t-Tlieta filgħodu fil-Ħabs ma kienx każ iżolat għaliex lura fl-2014 kien hemm priġunier Malti ieħor li safa msawwat u aggredit bl-aktar mod selvaġġ minn tliet priġunieri Għarab.
Dwar dak il-każ partikulari kienet infetħet inkjesta iżda sal-lum la hu magħruf jekk dik l-inkjesta hix magħluqa jew le u lanqas x’kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet li kienu saru mill-Pulizija.
Fl-inċident tat-Tlieta li għadda, il-priġunier Malti kaġun tad-daqqiet li sofra ġarrab diversi ġrieħi f’wiċċu u f’rasu u f’partijiet oħra tal-ġisem tiegħu.
Kollox beda nhar it-Tnejn li għadda meta omm il-priġunier Malti Kerstin Catania, Grace Cini, għamlet appell fil-pubbliku biex binha jitħalla jattendi għaċ-ċerimonja tal-magħmudija ta’ bintu li għadha kemm twieldet.
Grace Cini, li inċidentalment hi wkoll priġuniera fit-taqsima tan-nisa tal-Ħabs, talbet lill-awtoritajiet biex hekk kif qalgħu permess lilha biex tattendi għaċ-ċerimonja tal-magħmudija tan-neputija tagħha, hekk ukoll jinħareġ permess lil binha, jiġifieri missier it-tarbija, biex jattendi hu wkoll għal din iċ-ċerimonja.
Kerstin Catania ilu priġunier fil-Ħabs ta’ Kordin għal dawn l-aħħar xhur wara li kien xellef difru dwar droga.
//= $special ?>