Elezzjoni Kap PN

“Messaġġ Politiku aktar effettiv” – Alex Perici Calascione

“Il-messaġġ politiku għandu jasal b’mod aktar effettiv,” sostna l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione meta kien qed jitkellem dwar l-ideat tiegħu dwar il-mod kif il-PN jista’ jerġa’ jsir ‘Partit Rebbieħ’.

Perici Calascione kien qed jitkellem dwar l-Uffiċċju Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u dwar l-AŻAD, meta qal li l-Uffiċċju Informazzjoni għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli billi fih ikunu involuti aktar nies li jiffukaw fuq il-politika u l-messaġġ politiku.

Dwar l-AŻAD, Alex Perici Calascione fakkar li dan hu organu ta’ informazzjoni u riċerka politika. Filwaqt li qal li l-AŻAD għandha tkun iċ-ċentru ta’ diskussjoni politika, din għandha taħdem viċin l-istrutturi tal-partit li jkunu qed ifasslu l-politika.

Il-kandidat għal Kap tal-PN Alex Perici Calascione sostna li l-AŻAD għandha tidħol f’relazzjoni u kuntatti ma’ entitajiet barranin sabiex tikseb fondi u torganizza skambji meħtieġa kif ukoll taħdem mill-qrib ħafna mat-Taqsima/Fergħa Kandidati PN u ma’ strutturi oħra ta’ formazzjoni politika sabiex dan jgħin fl-aġġornament politiku tal-Partit Nazzjonalista.