Futbol Sport

Super Cup Spanjola – Jiltaqgħu r-rivali Real Madrid u Barcelona

Fl-aħħar ta’ Lulju Barcelona u Real iltaqgħu kontra xulxin f’partita ta’ ħbiberija

Nhar il-Ħadd fl-10pm, fil-Camp Nou tintlagħab l-ewwel leg tal-finali tas-Super Cup Spanjola bejn ir-rivali Barcelona u Real Madrid. Din se tkun it-tieni darba fi spazju ta’ ftit ġimgħat li dawn iż-żewġ timijiet se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin hekk kif fit-30 ta’ Lulju li għadda lagħbu kontra xulxin fl-International Champions Cup.

Dakinhar Barcelona rebħu bi skor ta’ 3-2 u llejla se jkunu qed jibdew f’darhom kontra Real. Dawn tal-aħħar huma friski mis-suċċess li kisbu nhar it-Tlieta li għadda meta rebħu l-UEFA Super Cup meta fil-Maċedonja għelbu lil Manchester United 2-1.

Fl-istaġun li għadda l-Merengues rebħu l-kampjonat u ċ-Champions League filwaqt li Barcelona kisbu d-dritt li jilagħbu din il-finali wara li f’Mejju li għadda rebħu t-tazza tar-Re. Il-Katalani għelbu lil Alaves fil-finali filwaqt li Real Madrid spiċċaw bi tliet punti vantaġġ fuq l-istess Barcelona fil-kampjonat.

Il-Merengues se jkunu qed ifittxu kontinwazzjoni ta’ dawn ir-riżultati meta llejla jilagħbu barra minn darhom kontra tim li se jkun qed jibda l-ħajja taħt il-kowċ il-ġdid Ernesto Valverde li ħa post Luis Enrique. Barra minn hekk għal Barcelona dan se jkun bidu ġdid wara li biegħu lill-attakkant Neymar lil PSG.

Fatt kurjuż hu li l-midfielder ta’ Real Madrid Luka Modric se jkun sospiż mill-ewwel leg minħabba li kien tkeċċa fl-istess kompetizzjoni tliet snin ilu kontra Atletico Madrid. Dak iż-żmien ir-regoli tal-Federazzjoni Spanjola kienu jgħidu li plejer li jkun imkeċċi fis-Super Cup jiskonta s-sospensjoni fl-istess kompetizzjoni.

Minn dakinhar ‘l hawn Real qatt ma reġgħu lagħbu fis-Super Cup u b’hekk Modric se jkollu jiskonta s-sospensjoni llum. Ir-regoli llum-il ġurnata nbidlu u min jitkeċċa fis-Super Cup jiskonta s-sospensjoni fil-kampjonat jew fit-Tazza tar-Re.

It-tieni leg tal-finali tas-Super Cup Spanjola tintlagħab nhar l-Erbgha li ġej.

Intant, il-President ta’ Real Madrid Florentino Perez żvela li l-aktar trasferiment diffiċli li għamel sa minn meta ilu jokkupa l-kariga kien dak tal-midfielder Luis Figo fis-sena 2000.
Dakinhar Real akkwistaw lil Figo mingħand ir-rivali Barcelona għas-somma ta’ 60 miljun ewro. Minn hemm’il quddiem Real akkwistaw diversi plejers ta’ fama mondjali fosthom Zidane, Ronaldo, Beckham, Bale, Kaka u Benzema.