Lokali

It-tielet inċident fatali f’ġurnata – anzjana titlef ħajjitha fil-Baħrija

Anzjana ta’ 78 sena residenti r-Rabat tilfet ħajjitha wara inċident tat-traffiku fi Triq Bieb ir-Ruwa l-Baħrija. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30 ta’ waranofsinhar.

Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li vettura tat-tip Toyota Corsa kienet għadha kif iddur lilwa iżda s-sewwieqa tilfet il-kontroll u kellha impatt ma’ vettura tat-tip Landrover. Fil-ħin tal-inċident il-Landrover kienet ipparkjata mal-ġenb tat-triq.

Il-vettura Toyota kienet qegħda tiġi misjuqa minn mara ta’ 56 sena residenti r-Rabat, Malta li flimkien magħha kien hemm mara ta’ 78 sena residenti r-Rabat ukoll.

Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tagħti l-ewwel għajnuna lill-mara ta’ 78 iżda sfortunatament hija ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Aaron Bugeja li ħatar diversi esperti sabiex jassituh fl-inkjesta.